Bejn l-1 u t-3 ta’ Lulju, 2024, il-Banda San Leonardo kienet ġewwa l-gżira ta’ Ischia, f’Napli, fuq stedina mill-Parroċċa ta’ San Leonardu Abbati ta’ Panza, il-Confrérie de Saint Léonard de Noblat ta’ Franza, u l-Fil-LEO (International Federations of Associations and Places dedicated to Saint Leonard).
Waqt din il-mawra l-Banda ħadet sehem fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja li matulha ġie organizzat ir-Raduno Internazionale di San Leonardo bir-relikwiji ta’ San Leonardu li ġew minn Franza. Il-Banda San Leonardo tat sehemha permezz ta’ programm mużikali nhar it-Tnejn l-1 ta’ Lulju fi Piazza San Leonardo fil-preżenza tal-Isqof ta’ Limoges. Dan sar taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro. Daniel Vella, u matulu ndaqqet mużika ta’ stili varji bil-parteċipazzjoni tas-sopran Alexandra Camilleri Gambin.
Lejn tmiem il-programm, rappreżentanti mill-Banda San Leonardo u l-Banda Aurora Città di Panza iffirmaw ftehim ta’ ġemellaġġ mużikali. Dan huwa t-tielet ġemellaġġ mużikali tal-Banda San Leonardo, u jsegwi dak li kien ġie ffirmat ġewwa Mascali fl-2018 u Saint-Léonard-de-Noblat fl-2023.
Dawn it-tlett ġemellaġġi għadhom sinifikat importanti minħabba li t-tlieta li huma saru ma’ baned li għadhom rabta mill-qrib mad-devozzjoni lejn San Leonardu, fejn bħal issa l-Banda San Leonardo tinsab impenjata tħejji għall-festa titulari ta’ San Leonardu Abbati, li din is-sena ser tiġi ċċelebrata bejn id-19 u l-25 t’Awwissu.
Dan il-ġemellaġġ seta’ jkun parzjalment possibbli bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti.