L-Għaqda Mużikali San Ġużepp tal-Kalkara, ser tkun qed tiċċelebra l-35 sena bħala l-ewwel banda fil-Kalkara. Sabiex tiċċelebra dan l-anniversarju, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser tkun qed tiftaħ il-festi esterni tal-festa titulari ta’ San Ġużepp fil-Kalkara propju nhar it-Tnejn 4 ta’ Lulju f’Jum it-twaqqif tal-Għaqda.
Għaldaqstant, nhar it-Tnejn 4 ta’ Lulju fid-8:45pm ser ikun qiegħed jittella’ kuncert vokali u strumentali sabiex jagħti bidu għal festi esterni f’Misraħ Arcisqof Gonzi, qrib il-Knisja Parrokjali fejn fl-istess misraħ jinsab s-sede tas-Soċjeta’. Il-Kunċert ser ikun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Francois Borg bis-sehem tal-kantanta mill-lokal stess Amber Bondin u t-tenur Georg Zammit. Jippreżentaw dan il-kunċert il-ġurnalist mill-Lokal Liam Carter flimkien mal-attriċi mil-lokal ukoll Jessica Azzopardi.
Fil-bidu ta’ dan il-kunċert ser ikun inawgurat sett timpani ġdid li nkisbu grazzi għal fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Sabiex jibqa’ mfakkar dan l-Anniversarju, fi tmiem il-kunċert ser jiġu inawgurati irħama tal-Presidenti tas-Soċjeta u rħama tas-surmastrijiet tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, xogħol fdat f’idejn il-marmista s-Sur Ronald Pisani kif ukoll mafkar tal-Fundatur tal-Banda fejn dan ix-xogħol ġie fdat f’idejn l-artist magħruf Manuel Farrugia. Dawn ser isiru grazzi għal fondi mill-Fondazzjoni Kottonera, infatti anke l-istess kunċert ser ikun taħt il-Patroċinju tal-Onorevoli Glenn Bedingfield, Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera.