‘We May Be different but we deserve equal chances for performing’ din hija t-tema ta’ kunċert fil-Kalkara mill-Banda Sagra Familja, l-Erbgħa 1 ta’ Ġunju f’jum li jfakkar 125 sena mit-twaqqif ta’ Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja.
Is-serata tfitaħ bi kxif ta’ rħama kommemorattiva fil-post fejn kien l-ewwel sede tas-Soċjetà u li fih twaqqaf Circolo San Giuseppe. Wara jsir marċ qasir mill-Banda Sagra Familja sa Pjazza Sagra Familja fejn jitqiegħdu kuruni f’riġlejn il-monumenti ta’ Mro Lorenzo Gonzi, Ex-president u Ex-surmast fi ħdan Circolo San Giuseppe u anki f’riġlejn il-monument tal-gwerra b’tifkira tal-membri li mietu fil-gwerra.
Wara jibda programm Mużikali bis-sehem tal-Banda Sagra Familja kif ukoll jingħaqdu magħhom xi bandisti li huma persuni b’diżabilità. Aktar tard fil-programm tieħu sehem ukoll il-VB Band minn Villa Bianca.
Matul dan il-programm ser isiru diskorsi mill-President tas-Soċjetà, messaġġ minn Dr. Lawrence Gonzi, in-neputi tal-istess Mro. Lorenzo Gonzi, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, l-Onorevoli Julia Farrugia Portelli kif ukoll diskors mis-Sindku tal-Kalkara s-Sur Wayne Aquilina li taħt il-patroċinju tiegħu ser ikun dan il-programm mużikali.
Dan il-programm sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti ghas-Settur tal-Volontarjat taħt l-iskema Small Initiatives Scheme.