Is-Soċjetà Filarmonika Leone tippreżenta l-Kunċert Annwali tal-Banda Cittadina Leone ‘Encore! | The Leone Band in Concert’ nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2019.
Dan il-Kunċert Sinfoniku, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Colin Attard, se jittella’ fit-Teatru tal-Opra Aurora, propjetà tal-istess Soċjetà Leone. Sas-snin disgħin, dan il-kunċert annwali kien wieħed mill-ftit produzzjonijiet fl-apert fil-ħarifa, fejn il-Banda Leone kienet dejjem tilħaq livelli għoljin ta’ mużika. Bosta għadhom jiftakru dawn il-produzzjonijiet, bil-Banda Leone fuq il-plaċier u mijiet jitpaxxew bil-mużika tagħha fil-Pjazzez tal-Belt Victoria. Pero, f’dawn l-aħħar deċenji, dan il-kunċert mużikali beda jittella’ fl-ambjent grandjuż bl-akustika mill-ifjen tat-Teatru tal-Opra Aurora tal-Belt Victoria.
Filwaqt li l-Banda Leone tibqa’ ssostni spettaklu mill-aqwa, bħal kull produzzjoni tagħha, dan il-Kunċert Annwali dejjem stabilixxa ruħu bħala esebizzjoni tal-aqwa mużika klassika u ta’ teknika mużikali b’saħħitha. B’hekk, dan il-programm mużikali ġeneralment jesebixxi l-aktar siltiet klassiċi u sinfoniċi popolari tas-sekli 19 u 20.
Fuq talba ġenerali, fl-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Banda Leone se tkun qed tfakkar l-aħħar fost is-suċċessi tagħha, meta fl-Jum l-Indipendenza, nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru 2019, ħadet sehem f’kunċert konġunt, fil-Pjazza ewlenija tal-gżira, Pjazza Indipendenza, f’ċelebrazzjoni organizzata mill-Kumitat Reġjonali Festi Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. B’hekk, bl-isbaħ memorji, il-Banda Leone ssejjaħ lil dawk kollha li jixtiequ jerġgħu jgħixu dan is-suċċess u oħrajn li tilfu din l-opportunità, sabiex jingħaqdu magħha f’dan il-programm mużikali, b’erba’ siltiet mużikali ċelebri:
Overture: I Cavalieri di Malta
Agostino Nani
First Suite for Band
Alfred Reed
Hungarian Rhapsody
Franz Liszt
1812 Solemn Overture
Pyotr Illich Tchaikovsky
Il-Kunċert Annwali tal-Banda Leone jittella’ bħala kommemorazzjoni tal-proklamazzjoni tal-Kunċert se jittella’ nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2019, fit-8 ta’ filgħaxija u mistenni jtul 75 minuta. Dħul huwa b’xejn iżda wieħed jista’ jirriserva l-postijiet tiegħu b’email fuq info@leone.org.mt jew b’sms fuq 99130694.