Is-Soċjetà Filarmonika Leone ħabbret li l-Banda Ċittadina Leone saret l-ewwel u l-unika banda Maltija li l-mużika tagħha ġiet pubblikata fuq Spotify. Spotify huwa pjattaforma diġitali tal-mużika użat minn miljuni ta’ nies ta’ kuljum minn madwar id-dinja kollha. L-ewwel pubblikazzjoni li ġiet magħżula hija l-ġabra ta’ Marċi Funebri ta’ Giovanni Giumarra bl-isem ‘Dolore’.
Is-Soċjetà qalet li mill-1863 esegwiet u fi ħdanha wkoll inkitbu uħud mill-aktar sitiet mużikali prestiġjużi. Maż-żmien, dawn bdew isiru mmortali bir-recordings tal-mużika fuq casettes jew CDs. Biex jitkattar aktar il-patrimonju tagħna, is-Soċjetà qalet li se tkun qed tkattar xogħolha b’mod diġitali, b’mod u manjiera li l-preġju tal-ewwel Banda Għawdxija jibqa relevanti fis-soċjetà dinamika ta’ llum.
Tnax -il sena ilu, il-Banda Leone kienet kuraġġjuża u daħlet fil-ġeneru Pop, fejn illum ittella’ wieħed mill-akbar avvenimenti minn banda Maltija – Leone goes Pop. Dan huwa pass ieħor mis-Soċjetà Leone biex il-kultura tal-baned tradizzjonali Maltin tingħata spinta ‘l quddiem u timxi maż-żminijiet.
Is-Soċjetà qalet li se tibqa tagħmel l-għalmu taghha biex timxi maż-żminijiet b’tali mod li l-Banda Ċittadina Leone tibqa’ pijuniera u tibqa’ tkun relevanti mal-bidliet kulturali u artistiċi.