Fis-Santwarju f’tas-Samra l-Ħamrun, f’nofs l-artal maġġur sibna l-figura tal-Bambin.
Dan il-Bambin huwa wieħed storiku, hekk kif dan kien intuża minn San Ġorġ Preca u l-MUSEUM fl-ewwel dimostrazzjoni tal-Bambin formali li saret mitt sena ilu.
Dwar din il-purċissjoni tkellimna ma’ Fr Andrew Borg, li huwa l-kuratur tas-Santwarju tas-Samra.
“Fl-1921 illi Dun Ġorġ Preca uża dejjem l-istess Bambin, li qed naraw fuq l-artal, dik ħarġet mill-Palazz imsejjaħ ta’ Bruno. Il-palazz fejn is-soċjetà fejn kellha s-sede ċentrali tagħha, bejn l-1920 u l-1932. Dun Ġorġ Preca kien midħla ta’ dan is-Santwarju. Il-fatt li kien hawn Bambin disponibbli, Dun Ġorġ Preca għamel użu minnu.”
Fr Andrew Borg spjega magħna kif il-Bambin li ntuża minn San Ġorġ Preca f’din id-dimostrazzjoni kien inħadem fl-elf disa’ mija u għaxra f’Lecce, l-Italja.
Fl-intervista ma’ ONE News ġie spjegat kif il-purċissjoni tal-Bambin ta’ mitt sena ilu kien waħda sempliċi, fejn anke ntużaw fanali li kienu jintużaw biex il-qassisin kienu jżuru l-morda fi djarhom.
“Kienet sempliċissima, jiġifieri ma noħolmux li kienet kif żviluppat din id-dimostrazzjoni. Dun Ġorġ qatt ma ried isejħilha purċissjoni għax purċissjoni tibda u tispiċċa, però Dun Ġorġ sejħilha dimostrazione, hija wirja ta’ dak li f’qalbu kienet ċentrali l-misteru tal-inkarnazzjoni.”
Fr Andrew Borg innota kif il-purċissjoni tal-Bambin evolviet u anke żdiedu l-affarijiet li jintużaw f’din il-purċissjoni li tfakkar it-twelid tal-Bambin.
“Aktar tard imbagħad s-Soċjetà tal-MUSEUM ħolqot biex ngħidu hekk, ħolqot armar għal din id-dimostrazzjoni. Bħal tabelli illi Dun Ġorġ Preca fil-bidu l-iskrizzjonijiet fuqhom kienu bil-Latin, kif fil-fatt hawn fis-Santwarju għandna wkoll dawn it-tabelli illi jafu dik l-epoka wkoll.”
Riċentament f’dan is-Santwarju tas-Samra ġiet inawgurata lapida li tirrappreżenta l-ewwel dimostrazzjoni tal-Bambin, fl-1920.
Dan hekk kif sena qabel il-purċissjoni ta’ mitt sena ilu, saret waħda straordinarja.