Għat-tieni sena konsekuttiva Pjazza Tritoni se terġa’ tingħata l-ħajja fil-jiem tal-Karnival. Dan hekk kif is-Sibt li ġej se jittella’ il-Ballu Tritoni.
Ballu li se jkun ferm differenti minn tas-sena ta’ qabel bl-għan ewlieni hu li tinżamm it-tradizzjoni Maltija iżda fl-istess waqt timxi maż-żminijiet.
Iċ-Chairman ta’ Valletta 2018, Jason Micallef, spjega kif dan seta’ jkun possibbli permezz tal-frott li ħalliet Valletta 2018. Qal li għal din is-sena l-ispazji pubbliċi kollha se jkunu qed jintużaw għal xi attività jew oħra fejn fis-snin li ġejjin, flimkien ma’ Festivals Malta, se ssir ħidma sabiex isiru ballijiet storiċi ta’ din il-kwalità bl-għan li ‘l quddiem jiġi introdott ballu anke f’mużewijiet storiċi.
Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat kif din is-sena mistennija jkollna sfilata li se tiċċelebra s-sbuħija ta’ Pjazza Tritoni bis-sehem ta’ diversi skejjel taż-żfin.
Id-Direttur Artistiku Jason Busuttil spjega kif dan il-ballu mistenni jkun kompletament differenti minn dak li sar is-sena ta’ qabel iżda bl-ebda eċċezzjoni mistenni jkun aqwa minn ta’ qabel.
L-attività hi b’xejn għall-pubbliku fejn kulħadd jista’ jattendi flimkien mal-familja tiegħu biex jiċċelebra l-Karnival bil-kbir.