Il-Palazz Verdala, s-Sibt fil-għaxija kien mixgħul u preparat, biex jgħati l-esperjenza tal-ħolm li kapaċi joffri l-ballu tal-Qamar t’Awwissu. B’hekk dawk kollha li kienu preżenti, esperjenzaw edizzjoni oħra tal-ballu tal-President. Edizzjoni li fiha nġabret somma b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.
L-għan prinċipali tal-ballu minn mindu sar għall-ewwel darba sittin sena ilu, kien dak filantropiku. Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro irringrazzjat lil dawk kollha preżenti u lil membri tal-kumitat organizzattiv li mingħajrhom il-ballu ma setax isir. Il-Markis Daniel de Petri Testaferrata li kien ic-chairman tal-kumitat irringrazzja wkoll lil isponsors.
Kull min kien preżenti seta’ jgawdi minn wirjiet mill-banda tal-forzi armati, dik tal-Pulizija u l-In Guardia fil-waqt li jiżfen mal-mużika tal-Brass House Unit li daqqet mużika ta’ kull ġeneru tul il-lejl biex tolqot il-gosti ta’ kullħadd. B’hekk il-Ballu issa witta t-triq għal iktar avvenimenti b’risq il-Malta Community Chest Fund għal din is-sena, bil-qofol ikun l-għada tal-Milied, fl-Istrina.