Nhar is-Sibt, sitta ta’ Awwissu, fil-Palazz Verdala se ssir l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-August Moon Ball.
Dan ħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President ta’ Malta, George Vella, li fakkar li d-dħul għal din l-attività jmur għall-Fondazzjoni The Malta Community Chest Fund.
Il-President ta’ Malta qal li l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu baqa’ jsir anki waqt il-pandemija, iżda l-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir bil-mod tradizzjonali kif kien isir qabel il-pandemija.
Qal, “Kif ġara għal snin twal, il-Community Chest Fund, permezz tal-August Moon Ball, qed torganizza din l-attività ħalli, mal-attivitajiet kollha li tagħmel matul is-sena, tkun tista’ ddaħħal id-dħul minn din l-attività. Kif għedt, din l-attività mhijiex biss donazzjonijiet jew ġbir ta’ fondi, imma hija avveniment soċjali li naf li ħafna nies ikunu qed jistennew minn sena għall-oħra. Sfortunatament, kellna sentejn li dan għamilnieh b’mod ristrett minħabba ċ-ċirkustanzi tal-Covid. Din is-sena, nittamaw fil-Bambin li l-attivitajiet jibqgħu kif inhuma u nkunu nistgħu ngawdu l-ballu bis-serjetà u nagħmlu l-attività kif suppost issir.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu, Daniel De Petri Testaferrata, qal li f’din l-attività se jintwera sens ta’ solidarjetà.
Spjega li, għal darb’oħra, se jerġa’ jkun hemm il-banda tal-Forzi Armati, li se tallegra lil dawk li se jattendu.
Qal li din l-attività se tkun limitata għal seba’ mitt ruħ. Wieħed jista’ jibbukkja fuq augustmoonball.com.