Fil-jiem li ġejjin il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkun qed jirriġenera tliet bajjiet madwar il-kosta Maltija. Il-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, Għar Aħmar f’Marsaxlokk u l-Balluta f’San Ġiljan.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bajja ta’ San Ġorġ fejn spjega kif din il-bajja se tikber b’madwar 20 metru ta’ ramel b’nefqa ta’ €60,000. (BAJJA TAL-PRESSER)
Din il-bajja flimkien mal-Balluta se jkunu kklassifikati bħala bajjiet temporanji bl-iskop li jservu tul l-istaġun tas-sajf. (BALLUTA BAY IS-SENA L-OĦRA)
Kevin Fsadni, uffiċjal fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu spjega li permezz ta’ dan l-investiment se jinħolqu aktar bajjiet siguri għall-għawwiema Maltin u turisti mingħajr ma jitħalla impatt negattiv fuq l-ekoloġija taż-żona.
Qal li x-xogħol se jibda immedjatament hekk kif it-temp fix-xhur ta’ qabel ma ppermettiex li jsiru xogħlijiet ta’ din in-natura fiż-żoni msemmija.
Il-Ministru Mizzi spjega li fil-Balluta se jerġa’ jittella’ aktar ramel minn qiegħ il-baħar sabiex terġa’ tikber il-bajja. Qal ukoll li l-proġett tal-Balluta se jiġi ffinanzjat kollu mill-privat. (BALLUTA Nuzaw filmti tas-sena li għaddiet)
“Fil-bajja tal-Għar Aħmar f’Marsaxlokk se jsir xogħol ta’ natura differenti u l-ħajja ta’ din il-bajja ġdida se tkun ta’ madwar ħmistax-il sena. Dan minħabba li taħt il-livell tal-baħar se tinħoloq struttura li se twaqqaf ir-ramel milli joħroġ mill-bajja. Din iż-żona se tikber b’2,500 metru kubu ta’ ramel. B’kollox dan il-proġett se jiswa madwar €150,000.”
Il-Ministru Mizzi sostna li dawn se jkunu bajjiet pubbliċi u fuqhom mhux se jitħallew operaturi privati jqiegħdu deckchairs u kiosks, madankollu qal li f’kull bajja se jerġa jkun hemm is-servizz tal-lifeguards, faċilitajiet sanitarji qrib il-bajja u doċċa għall-għawwiema.