Il-21 ta’ Ġunju, ifisser il-bidu tal-istaġun sajfi, li bosta jkunu qed jistennew b’ħerqa biex iqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ f’xi waħda mix-xtajtiet li pajjiżna huma mdawwar bihom.
Iżda, dan l-istaġun iġib miegħu iktar ħidma għad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni sabiex il-bajjiet, kemm dawk ramlin u anke tal-blat, jinżammu nodfa.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, spjega aktar dwar il-ħidma li ssir ta’ kuljum.
Qal li “din is-sena sar investiment ġdid fuq il-bajjiet ramlin prinċipali f’Malta u hemm frekwenza ta’ tindif ta’ tliet darbiet kuljum, jiġifieri din hija wkoll żieda. Qabel konna naddfu biss it-tindifa ta’ filgħodu, fi snin preċedenti żidna wkoll din il-frekwenza għal darbtejn kuljum u issa f’dan is-sajf se nkunu qed inżidu t-tielet frekwenza. Jiġifieri, it-tindif fuq il-bajjiet isir regolari kemm mill-ħaddiema tal-beach cleaners u anke ħaddiema oħrajn li nissuplixxu sabiex inlaħħqu mad-domanda tal-iskart li jkun hemm fuq il-bajjiet.”
Fl-itwal jum tas-sena, ONE News bakkar fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa fejn kien għaddej it-tindif sa minn kmieni filgħodu. Innotajna, li minkejja l-ammont ta’ bins installati mad-dawra tax-xatt u fuq il-bajja, ikun hemm uħud li jagħżlu li jħallu l-kaxxi tal-ikel fuq il-bank, minflok jarmu fil-kontenituri tal-iskart.
Deguara spjega li dan it-tindif, mhux biss jitgawda minn dawk li jqattgħu ħinhom il-baħar, imma anke biex il-bajjiet ikollhom l-ogħla ċertifikat. Filwaqt li beda wkoll il-ħasil tal-promenade.
Saħaq kif “fis-sajf jiżied ħafna l-iskart, u jiżdied ukoll anke dak li ngħidulu l-iskart riċiklabbli. Jiġifieri, filgħodu ssir tindifa partikolari fuq il-bajjiet prinċipali sabiex dan l-iskart jinġabar separatament. Tajjeb ngħidu wkoll li dawn huma wkoll kriterji sabiex il-bajjiet Maltin ikollhom il-blue flags. Jiġifieri, it-tindif tal-bajjiet u l-għarbiel tar-ramel huwa kriterju importanti ħafna sabiex tingħata l-liċenzja ta’ blue flag fuq il-bajjiet.”
Matul is-sena li għaddiet, inġabru mad-900 tunnellata ta’ skart minn fuq il-bajjiet biss, filwaqt li nġabru mal-4,000 tunnellata oħra ta’ alka.