Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tella’ l-White Flag fil-bajja tal-Ġnejna, dan wara li l-baħar tal-Ġnejna u l-bajja u madwarha tnaddfu minn kull plastik u żibel ieħor.
Il-Ġnejna hija r-raba’ bajja f’Malta li ngħatat din il-bandiera prestiġġjuża wara Wied iż-Żurrieq, Għajn Tuffieħa u Golden Bay. F’Għawdex ingħataw din il-bandiera Wied il-Għasri, Marsalforn, Daħħlet Qorrot u Imġarr ix-Xini.
Il-Ministeru għas-Saħħa flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima qegħin jikkoperaw flimkien biex mhux biss il-bajjiet kollha f’pajjiżna jingħataw il-White Flag, iżda biex fis-snin li ġejjin pajjiżna jkun l-ewwel pajjiż plastic-free fid-dinja.
“Ibħra nodfa mhumiex importanti biss għax jattiraw it-turiżmu, iżda huma essenzjali għall-umanità, għall-ġenerazzjonijiet futuri. Nuqqas ta’ tniġġiż mill-plastik huwa essenzjali għall-flora u l-fawna tal-ibħra tagħna. Huwa għalhekk li bħala Gvern qegħdin naħdmu qatigħ biex ikollna baħar mingħajr plastik. Fl-aħħar xhur il-Ministeru għall-Ambjent nieda wkoll il-kampanja Sort it Out, li permezz tagħha qed jinġabru tunnellatti ta’ skart organiku, skart li sa ftit ilu kien jintrema ma skart ieħor”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Il-White Flag tingħata mill-Ocean Alliance Conservation Member li s’issa tat dan ir-rikonoxximent lil 79 bajja madwar id-dinja. It-team tal-White Flag fl-aħħar ġimgħat ġabar total ta’ 108.7 kilogrammi ta’ skart mill-bajja tal-Ġnejna.
Ritratti: MFH