Il-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, ġiet rikonoxxuta bħala żona ta’ importanza nazzjonali fejn twaħħlu notifiki speċifiċi, li jiddikjaraw ‘Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni – Sit ta’ Importanza Nazzjonali’.
Dwar dan ikkummenta wkoll Pawlu Buttigieg, is-Sindku tal-lokalità, li fuq il-midja soċjali ddeskriva dan bħala żvilupp importanti li ilu mistenni għal 22 sena sħaħ. Buttigieg, li ilu dan iż-żmien kollu jiġġieled biex jipproteġi l-bajja, stqarr li din hi ħolma tiegħu li saret realtà.
Fisser kif dan se jara l-bajja tinżamm f’kundizzjoni aqwa b’monitoraġġ kontinwu, li wkoll ikompli jkabbar l-attrazzjoni għal din iż-żona unika f’pajjiżna.
Il-bajja, li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti riedu jagħtuha għall-iżvilupp, ġiet protetta f’Lulju li għadda mill-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela bl-iffirmar tad-dokumentazzjoni finali biex saret żona ta’ afforestazzjoni.