Illum id-Dinja qed tiċċelebra l-akbar festa tal-Knisja Kattolika: L-Għid il-Kbir li tfakkar il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. One News ltaqa mal-Arċisqof Emiritu ta’ Tirana Ġorġ Frendo li tkellem magħna dwar is-sinifikat tas-simbolu tal-blandun u xi jfisser il-Bajd tal-Ġħid.
Mons Frendo spjegalna is-simbolu tal-Blandun fl-Għid il-Kbir.
Huwa qal, “Il-blandun jinxtegħel fil-vġieli tal-Għid, fil-bidu nett taċ-ċelebrazzjoni ta’ Sibt il-Għid. Huwa simbolu ta’ Kristu bħala dawl jinxtegħel qabel ma’ tidħol fil-knisja. Fil-knisja jkun hemm id-dlam u allura f’dak id-dlam jidher id-dawl ta’ dan il-blandun, ta’ din ix-xemgħa li hija simbolu ta’ Kristu rxuxtat ili huwa d-dawl tad-dinja. Din hija r-rabta tal-blandun mal-Għid u l-blandun jibqa’ fil-preżbiterju, ħdejn l-artal jiġifieri sa Għid il-Ħamsin, fejn niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir”
Il-Bajd tal-Għid huwa sinonimu wkoll mal-Akbar festa tad-Dinja.
L-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana Monsinjur Frendo tana spjegazzjoni ta’ dan ukoll.
Huwa stqarr,“Rabta interessanti ferm biex il-bajda hija ħaġa magħluqa, imma minna joħroġ il-fellus u għalhekk il-bajda tal-Għid hija simbolu tal-qabar ta’ Kristu li minnha ħareġ Kristu ħaj, Kristu rxuxtat. Il-bajda hija xi ħaġa tant magħluqa, dik il-qoxra madanakollu fiha ħajja ġdida, Kristu rxuxtat hija dik il-ħajja l-ġdida.”
Ritratt: istock photos