Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana attendiet u indirizzat it-tmien edizzjoni tal-konferenza annwali mtellgħa mill-Mental Health Association ta’ Għawdex, bit-titlu ‘Il-Baħħ u Jien’.
Il-Ministru Caruana qalet li l-għarfien dwar is-saħħa mentali f’Għawdex għadu fqir u s-soċjetà Għawdxija pjuttost tipprova titfa’ din il-problema taħt it-tapit. Matul l-esperjenza tagħha fil-qasam soċjali, il-Ministru rrealizzat li din il-problema hi akbar milli maħsub. “L-isfida tas-saħħa mentali tolqot lil kull wieħed u waħda minna”, kompliet il-Ministru Caruana, “is-saħħa mentali ma tarax età u tista’ taffettwa miż-żgħar sal-kbar”.
Justyne Caruana semmiet li qed tiltaqa’ ma’ fenomenu ġdid fis-soċjetà li qed isir komuni ħafna – li għadd ta’ tfal qed jitħallew waħedhom id-dar u jitgħabbew b’responsabbiltajiet li jmorru oltre dak mitlub minnhom.
“Għandna tfal li mhux talli ma jsibu lil ħadd jistenniehom xħin jiġu lura d-dar mill-iskola, imma talli jridu jieħdu ħsieb lil ħuthom iżgħar jew lin-nanniet. Iridu jaraw x’ħa jlestu għall-ikel, jikkontribwixxu fix-xogħol tad-dar, ma jsibu lil ħadd min jgħinhom fil-homework, lil ħadd min jismagħhom jew jigwidahom. Imbagħad, jispiċċaw jippruvaw jegħlbu s-solitudni f’imkejjen fejn il-vulnerabbiltà tagħhom teħodhom f’xifer il-periklu”, saħqet il-Ministru Caruana.
Il-Ministru rreferiet ukoll għall-ħidma li tixtieq li titwettaq mal-assoċjazzjoni Għawdxija dwar is-saħħa mentali kif ukoll ma’ Richmond Foundation, wara laqgħat li saru mal-Ministru stess sabiex ikollna iktar servizzi li jindirizzaw il-bżonnijiet f’Għawdex speċjalment iktar servizzi fil-komunità.
Waqt din il-konferenza pparteċipaw il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia u ċ-Chairman ta’ Mental Health Services Dr Anton Grech. Is-Sinjura Michelle Muscat kienet il-mistiedna distinta għal din il-konferenza.