Minn proġett pilota inħolqot sistema aktar effiċjenti għal sors ta’ enerġija mill-baħar. Qed nirreferu għall-proġett li ħadmu fuqu studenti u letturi mill-Istitut għall-Inġinerija u t-Trasport fil-Kulleġġ Malti għax-xjenza, t-tekonoloġija u l-arti, l-MCAST bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija l-MCST, li taw 250,000 ewro f’fondi biex jibda l-proġett.
Ir-riċerka dwar dan il-proġett bdiet fl-2015, fejn madwar sitt letturi flimkien ma’ grupp ta’ għoxrin student identifikaw sistemi simili li saru barra minn xtutna, filwaqt li studjaw ukoll kif taħdem panella fil-baħar. Hekk kif tlesta d-disinn, fl-2018 varaw is-sistema ta’ erbgħin panella, li skont id-data tat 8 kilowatt ta’ enerġija, biżejjed biex tipprovdi biżżejjed enerġija għal erbgħa u ħamest idjar.
Id-Direttur tal-Istitut għall-inġinerija u t-trasport Stephen Sammut, spejgalna is-sistema prototipa, li tpoġġiet qrib Kemmuna f’gaġġa tat-tonn, kienet taħdem.
Sammut qal: “Qed titrażmetti d-data din permezz tat-telemetrija biex aħna nirċievu kull ħames minuti nirċievu data minnha: kemm hemm xemx, kemm qed tiġġenera enerġija, il-baħar x’forza hu u r-riħ x’forza hu. Riddna niċekkjaw allura, nitestjaw li din is-sistema kollha taħdem, għax is-sistema , il-components differenti ġew minn diversi postijiet. Pereżempju l-panelli ġibnihom mill-Amerka għax dawn huma materjal li hawn Malta ma tantx jintuża. Mhux tas-silicon kif ikun normali, huma flessibbli u huma tajbin għal-iskop tagħna.”
Is-Sur Sammut qal li l-panelli tpoġġew direttament fl-ilma minħabba li l-ilma baħar iżomm il-panella friska, u tkun aktar effiċjenti. Infatti, skont id-data, juri li l-panelli fil-baħar taw aktar enerġija minn dawk fuq l-art. Huwa qal li l-fond tal-baħar ma jaffetwax l-effiċjenza, iżda, aktar ma jkun hemm kurrenti taħt l-istruttura, aktar tkun effiċjenti s-sistema.
Sammut qal: “Interessanti li aħna qabbilna d-data ma’ sistema oħra li armanjna aħna wkoll bħala parti mill-proġett fuq ir-riversosmosis taċ-Ċirkewwa. Hemmhekk aħna għamilna sistema fuq ir-riversosmosis u qed inqabblu allura d-data li ġejja mis-sistema li ġejja mill-baħar mas-sistema li hemm fuq ir-riversosmosis, li ovvjament tkun qed tisħon bl-arja tal-madwar. Id-data li ġibna meta qabbilnihom bejniethom turi sinjali indikattivi u interessanti favur din is-sistema.”
Mill-istudju li sar fil-prototipa ġie identifikat li l-mod kif kienet marbuta ma kinetx tiflaħ għal maltemp qawwi. Għalhekk sar xi tibdil biex l-istruttura kif ukoll fis-sistema eletronika tkun tiflaħ tikkumbatti l-maltemp qawwi.
Is-Sur Sammut qal: “Pereżempju bħalissa fis-sistema l-ġdida kull panella li se jkolna, l-erbgħin panella, permezz tal-istudenti u l-lecturers tagħna se nkunu qed nagħmlulhom bordura tal-istainless steel irqiq apposta maħdum u ddisinjat minn nies tagħna stess biex huma jiġu aktar b’saħħithom strutturalment. Għamilna anki differenzi fis-sistema elettrika biex ċertu cables, li meta fis-sistema oriġinali inġibdu dawn ikunu aktar protetti minn ġbid u ħsarat , jiġifieri dak li tgħallimna fl-ewwel sistema se jkun fit-tieni sistema biex aħna naraw issa li jkollha aktar performance tajba fejn jidħol il-maltemp.”
Il-ħsieb wara dan il-proġett huwa li l-istudenti jkunu aktar esposti għal fuq affarijiet prattiċi, filwaqt li joffri alternattiva biex l-enerġija rinovabbli tati lok għal inqas spejjeż għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna bl-aktar mod nadif.
L-MCAST qed ikun minn fuq ta’ quddiem għar-riċerka mhux biss lokalment, imma anke fl-Ewropa.