“Jeħtieġ li nikkonkludu n-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2021-2027 malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn Ottubru biex nevitaw li ċ-ċittadini jbatu konsegwenzi negattivi relatati ma’ dewmien żejjed biex nibdew l-implimentazzjoni”, qalet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-fondi ta’ koeżjoni huma kruċjali u tenniet l-importanza li tiġi rikunsidrata l-proposta li titnaqqas in-nefqa fuq dan il-programm. Dawn il-fondi huma kruċjali għall-pajjiżi li għandhom żvantaġġi ġeografiċi bħal Malta u t-tnaqqis tagħhom jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku li tant ħdimna għalih. Għaldaqstant, il-Ministru qalet li dan it-tkabbir għandu jiġi sostnut b’allokazzjoni li tkun tal-inqas daqs dik kurrenti.
Fissret li pajjiżi terzi huma lesti li jiffinanzjaw proġetti infrastrutturali fl-Unjoni Ewropea jekk se jkun hemm dan it-tnaqqis kif propost.
Il-Ministru tkellmet ukoll dwar il-fondi għall-iżvilupp rurali u qalet li għalkemm Malta tirċievi l-akbar ammont għal kull ettaru ta’ art, il-bdiewa tagħna jirċievu l-anqas ammont ta’ fondi diretti minħabba l-limitazzjoni tal-art.
Dwar id-dħul fil-Qafas Finanzjarja Multiannwali, il-Ministru saħqet li t-taxxa hi kompetenza nazzjonali u Malta tibqa’ ssostni li l-baġit tal-UE m’għandux ikun iffinanzjat minn taxxi diretti.
Dwar l-immigrazzjoni, Helena Dalli appellat għal qbil dwar il-qsim tar-responsabbiltà u dwar il-bżonn li l-istati membri juru solidarjetà ma’ xulxin kif wara kollox jisħqu t-Trattati tal-Unjoni Ewropea.
Fil-Kunsill saret ukoll diskussjoni dwar il-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, liema konsultazzjonijiet f’Malta ntemmu x-xahar li għadda. Dr Dalli qalet li dawn il-konsultazzjonijiet m’għandhomx ikunu xi eżerċizzju sempliċi ta’ relazzjonijiet pubbliċi iżda jeħtieġ li l-membri kollha tal-Unjoni Ewropea jaġixxu fuq dak li ntqal biex l-Unjoni Ewropea tkun eqreb taċ-ċittadini.
Il-Kunsill għall-Affarijet Ġenerali kkonkluda l-preparamenti għall-Kunsill Ewropew li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa u li fost temi oħrajn se jittratta l-Qafas Finanzjarju, il-Migrazzjoni u s-Suq Waħdieni. Se ssir ukoll laqgħa dwar l-aħħar żviluppi fir-Renju Unit fil-format ta’ sebgħa u għoxrin.
Ritratt: Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea