Fil-Baġit li jmiss, in-nefqa tal-Gvern se tiżdied sabiex jiġi assigurat li l-proġetti kapitali jibqgħu għaddejjin, l-ekonomija tikber, u l-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla għan-nies.
Barra minn hekk, il-Baġit u l-ħidma tal-Gvern se jassiguraw li l-ekonomija Maltija tkun soda biżżejjed sabiex tkun tista’ tkun reżiljenti quddiem l-isfidi internazzjonali. Dan se jsir permezz ta’ tnaqqis fi nfiq li m’huwiex ta’ prijorità, filwaqt li tinżamm stabbli n-nefqa f’setturi bħall-proġetti, is-saħħa, u l-pensjonijiet.
Stqarr dan il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana waqt business breakfast organizzat mit-Times of Malta, li matulu ngħatat ħarsa lejn x’jista’ jistenna l-poplu mill-Baġit għas-sena d-dieħla. Il-Ministru Caruana ppreċiża li l-ispiża kapitali għas-sena d-dieħla se tkun ogħla minn ta’ din is-sena – ftit inqas minn biljun ewro – u dan se jippermetti li l-ekonomija tkompli tikber.
Huwa qal li, quddiem sfidi bħall-inflazzjoni, il-Gvern jirrikonoxxi li dawn iħallu fuq piż sinifikanti, speċjalment fuq dawk l-aktar vulnerabbli finanzjarjament, fosthom il-pensjonanti. Għalhekk, il-Gvern se jkun qed jindirizza dawn ir-realtajiet.
Il-Ministru spjega li dan se jkun possibbli permezz ta’ fondi Ewropej, li permezz tagħhom il-Gvern se jkun qed jilħaq il-miri nazzjonali filwaqt li jnaqqas in-nefqa mill-fondi tal-Gvern innifsu. Huwa qal li, fost l-oħrajn, se jibqa’ għaddej l-investiment ta’ €700 miljun fi proġetti ambjentali.
Huwa qal li minħabba din l-istrateġija ta’ nfiq, il-poplu se jkun protett mid-daqqiet tal-isfidi internazzjonali, filwaqt li d-defiċit ikompli jinżel tul is-snin li ġejjin.
Rigward l-abbużi li jsiru minn uħud, il-Ministru għamel ukoll osservazzjoni li, fl-2019, sittin fil-mija tan-negozji kienu jiddikjaraw li m’humiex jagħmlu qligħ, iżda minkejja dan xorta waħda kienu qed jimpjegaw nies ġodda. Huwa qal li dawn l-abbużi jissolvew permezz ta’ investimenti fl-infurzar, iżda anke b’bidla fil-kultura li hemm bżonn li ssir.
Il-Ministru Caruana qal ukoll li l-ekonomija Maltija hija waħda b’potenzjal kbir, u għalhekk m’hemm bżonn ta’ ebda taxxi ġodda. Huwa nnota li hemm potenzjal kbir anke fejn jidħol is-settur tal-enerġija ġġenerata mir-riħ, u fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetħu sejħiet għall-investimenti f’dan is-settur.