Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku, l-MCESD, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, sostna li l-baġit għas-sena d-dieħla, li se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun wieħed li jkompli jinvesti iżjed fil-poplu Malti u Għawdxi.
Qal, “Il-baġit li għandna hu wieħed mill-aktar espansjonali fl-Unjoni Ewropea. Għal dak li qed ngħid hu li għandna baġit espansjonali, jiġifieri l-Gvern qed jonfoq aktar minn kemm qed idaħħal, jiġifieri l-Gvern qed jinjetta aktar flus fl-ekonomija aktar minn kemm qiegħed jiġbor. Il-baġit se jibqa’ espansjonali b’mod sinifikanti.”
Tul dan id-diskors, il-Ministru Caruana ta redikont tal-pressjonijiet li hemm barra minn Malta, li qed iwasslu għal żieda fl-inflazzjoni.
Il-Ministru Caruana semma kif fl-aħħar xhur kien hemm żieda fil-prezz taż-żejt, hekk kif minn $70 tela’ għal $90 għal kull barmil. Dan ifisser żieda sostanzjali ta’ $20 fl-aħħar xhur.
Dan wassal biex fix-xahar li għadda, l-Amerka rreġistrat żieda fl-inflazzjoni, b’dan kien ukoll innotat fis-suq Britanniku. Il-Ministru spjega li dan ifisser li se jġib aktar pressjoni lejn is-suq Ewropew, inkluż żieda fl-inflazzjoni.
Intqal li waqt dawn iż-żminijiet ta’ pressjonijiet internazzjonali, il-Gvern Malti ħa l-miżuri meħtieġa favur il-familji u n-negozji.
Qal, “Dan hu fl-interess tagħna wkoll, għax kif aktar ’il quddiem, mhux illum, imma fil-ġimgħat li ġejjin, eventwalment meta titħabbar iż-żieda tal-għoli tal-ħajja kemm hi, ilkoll nafu bit-taħditiet li għaddejjin fuq il-ftehim kollettivi, l-għajnuniet li l-Gvern jagħti fuq lil min qed jieħu l-benefiċċji soċjali. Dan kollu hu impattat bil-kbir mill-inflazzjoni, hekk kif kulħadd minn tal-inqas ikun qed jistenna li l-purchasing power tiegħu tkun minn tal-inqas koperta għall-inflazzjoni.”
Sostna li l-inflazzjoni qed timpatta bi kbir l-ekonomija fl-Unjoni Ewropea hekk kif din mistennija tmajna, kemm din is-sena u anke s-sena d-dieħla, skont l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea.
Intqal li l-Unjoni Ewropea mis-sena d-dieħla se tkun qed terġa’ tagħfas lill-pajjiżi biex ikunu konformi mar-regoli stabbiliti. Filwaqt id-defiċit mistenni li jkun ta’ madwar ħamsa fil-mija, id-dejn se jibqa’ konformi mal-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea.
Qal, “Hu fl-interess ta’ kulħadd, tal-ħaddiem u ta’ min iħaddem li l-inflazzjoni f’pajjiżna tonqos. Hu fl-interess ta’ kulħadd ukoll li l-finanzi tal-pajjiż, speċjalment id-dejn pubbliku, jibqa’ taħt il-limiti stabbiliti, u tagħna, iva, hu taħt il-limiti stabbiliti ta’ 60% u naraw li jibqa’ taħt dawk il-limiti għas-snin li ġejjin.”
Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, li fl-intervent tiegħu qal li fil-jiem li ġejjin se titkompla d-diskussjoni mal-imsieħba soċjali dwar ir-regolamenti tat-temping agencies, li jinsabu fi stat avvanzat.
Qal, “Kelli numru ta’ laqgħat magħkom individwali kemm informali, kif ukoll informali. Irrid ngħid li jien fiżikament, personali ġejt aktar minn darbtejn quddiem l-Employment Relations’ Board u għandna laqgħa oħra nhar l-Erbgħa, fejn ħa nkomplu niddiskutu dawn ir-regolamenti, li jinsabu fi stadju avvanzat.”