Malta hija fost il-pajjiżi li kellha l-baġit għas-sena d-dieħla, ittimbrat mill-Kummissjoni Ewropea bħala ġeneralment konformi mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir tal-Unjoni Ewropea.
Din l-aħbar pożittiva waslet proprju fil-jum li l-Kabinett tal-Ministri qiegħed Brussell għal-laqgħat dwar il-Presidenza Ewropea.
Kienu disa’ il-pajjiżi li l-baġit tagħhom irċieva rakkomandazzjoni pożittiva. Ma’ Malta hemm il-Ġermanja, L-Estonja, il-Lussembru, is-Slovakkja, l-Olanda, l-Irlanda, il-Latvja u l-Awstrija. Anke Franza kellha l-baġit meqjus bħala konformi, għalkemm dan il-pajjiż jinsab f’kategorija oħra peress li huwa fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Numru ta’ pajjiżi oħra għandhom il-baġit tagħhom għas-sena d-dieħla meqjus bħala mhux konformi u li jpoġġi riskji bis-sitwazzjoni ta’ dawn issa trid tkun riveduta mill-Kummissjoni Ewropea.