“Baġit onest, ġenwin u soċjali, imsejjes fuq l-aspirazzjonijiet tas-settur u tal-istakeholders kollha. Baġit bl-akbar nefqa soċjali fil-pajjiż u l-akbar baġit li qatt ingħata fis-settur tad-diżabbiltà”.
Hekk iddeskriviet dan il-Baġit, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn sostniet li l-allokazzjoni din is-sena kienet ta’ €58.5 miljun, filwaqt li s-sena d-dieħla se titla’ għal aktar minn €63 miljun, b’żieda ta’ €4.5 miljun f’sena.
Farrugia Portelli qalet li l-baġit hu prova ċara li dan hu Gvern b’ruħ soċjali, li għalih ir-riżorsa umana tibqa’ priorità, għax iwieżen lil dawk li għaddejjin minn sfida jew li għandhom xi diżabbiltà.
Tkellmet dwar ir-riforma tal-assistent personali fejn saħqet li hi l-bażi ta’ kollox. Semmiet l-importanza li persuna b’diżabbiltà, minflok tispiċċa f’xi home, tista’ tibqa’ tgħix ħajja indipendenti fil-komunità – bl-għajnuna ta’ persuna tal-fiduċja tagħha – li tgħinha fil-ħtiġijiet.
Għal dan il-għan, Gvern Laburista qed jinvesti €5.2 miljun f’din il-miżura, żieda ta’ miljun fuq l-2022.
Farrugia Portelli saħqet li r-riforma mhux biss hi wegħda elettorali, imma hi konferma li Malta trid twettaq il-prinċipji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.
Dwar din ir-riforma, tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.
“Din ir-riforma bdejniha matul din is-sena, però l-ħaġa sabiħa li ħarġet fil-baġit ta’ din is-sena kienet il-fatt li żdied il-fond allokat għall-assistenza personali li żdied minn €4.2 miljun għal €5.2 miljun. Dan hu baġit li, kull sena, qed naraw żieda fih li se jsarraf f’għajnuna lill-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom biex ikollhom assistent personali. Inħares ’il quddiem biex nimplimentaw is-sena d-dieħla din ir-riforma.”
Farrugia Portelli spjegat kif il-Carers’ Grant se tiżdied b’€487 fis-sena u għalhekk se tkun qed titla’ għal kważi €5,000. Dwar il-pensjoni tad-diżabilità qalet li issa din se tiżdied bi €17.39ċ fil-ġimgħa.
Hi sostniet li l-Gvern se jkompli jgħin lil dawk il-ġenituri li wliedhom jattendu għal terapija minħabba d-diżabbiltà tagħhom. Qalet li l-kreditu fit-taxxa ta’ dawn il-ġenituri, mill-€200 introdotti s-sena l-oħra, issa se jitilgħu għal €500 fl-2024 għal kull tifel u tifla b’diżabilità.
Dwar il-persuni b’kundizzjoni mentali severa, il-Ministru spjegat li dawk l-applikanti li jkollhom mill-inqas 50 kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tul ħajjithom issa se jikkwalifikaw għal Pensjoni tal-Invalidità.
Tkellmet ukoll dwar il-kumpens għall-vittmi tat-Thalidomide, li twieldu b’diżabbiltà minħabba li fis-snin 50 u 60 ommhom kienet ħadet din il-mediċina li minn ħafna pajjiżi kienet irtirata. Semmiet li l-Gvern se jkun qed jagħti kumpens totali ta’ €3 miljun lil dawk il-vittmi.
Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet il-€1.8 miljun investiti mill-aġenzija Sapport li, fost l-oħrajn, se ttejjeb numru ta’ ċentri ta’ matul il-jum, modernizzar ta’ numru ta’ ċentri kif ukoll il-bidu tal-bini tad-Dar Respite f’Ħad-Dingli.
Tlabna lill-Ministru timraħ ftit dwar il-fatt li dan il-Bagit hu wieħed ġust u ħajt ta’ kenn għall-persuni b’diżabilità.
“Huwa ġust għax jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità li kienu l-istakeholders stess parti minn dan il-baġit. Ħafna minn dak li smajna matul il-Baġit kienu ideat u xewqat tal-persuni b’diżabilità nfushom, investiment l-akbar wieħed li qatt sar fis-settur tad-diżabilità b’aktar minn €63 miljun, li hi €4.5 miljun fuq is-sena ta’ qabel.”
Sadanittant semmiet ukoll il-miżura, li taqa’ direttament taħt l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, li se tgħin lill-bdiewa Maltin fil-ħidma tagħhom.
Qalet li, minħabba li mill-2026 ’il quddiem, skont regolamenti tal-Unjoni Ewropea, iż-żamma tar-rekords se ssir mandatorja, se jkun iffaċilitat il-proċess li bih jinżammu r-rekords elettroniċi mill-bdiewa prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti biex b’hekk tissaħħaħ is-sorveljanza kontinwa li tagħmel l-awtorità fejn jidħlu l-pestiċidi, billi tiżdied l-effiċjenza fl-identifikazzjoni tal-użu ħażin ta’ dawn il-prodotti b’informazzjoni li tkun aktar aċċessibbli u korretta.