“Il-baġit li ġej se jkun wieħed aqwa milli kellna.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta t-Tnejn filgħaxija ġie intervistat dwar bosta temi importanti, waqt attività politika organizzata mill-Partit Laburista f’Misraħ il-Lewża f’San Ġwann, bħala parti mill-kampanja bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Stqarr, “Kellna żewġ baġits f’din il-leġiżlatura b’saħħithom immens. Il-baġit t’Ottubru li ġej se jkun aktar b’saħħtu terġa’. Għandna s-sabiħ u kemm tgħidu lill-Kap tal-Oppożizzjoni li m’għandniex elezzjoni ġejja għas-sena d-dieħla, imma xorta nibqgħu nagħtu baġit b’saħħtu aktar minn ieħor, sena wara l-oħra.”
Hawnhekk huwa ħabbar kif ġenituri li jaqilgħu sa’ elf ewro fix-xahar mhux se jibqgħu jħallsu taxxa. “Din hija miżura li se tħalli sa kważi sitt mitt ewro fis-sena fil-bwiet tal-familji middle class. Miżura li hija l-ikbar tax cut li qatt ra gvern, u dan mingħajr ma jitneħħa xejn mill-miżuri li diġà hemm. għandna fis-seħħ. Din miżura li tidħol fil-budget li ġej”
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, li nġabru f’San Ġwann, Dr Abela ġie mistoqsi mill-preżentatur Dorian Cassar dwar il-kampanja elettorali li daqt tiġi fi tmiemha.
Sostna, “L-isbaħ esperjenzi li jkollok meta niġu f’dawn it-tined. Tant esperjenzi li jirrakkontawlek in-nies, waqt li inti dieħel. Jirrakkontawlek realtajiet tagħhom li, imbagħad, filgħaxija jew għada filgħodu nirrifletti bil-kwiet u ngħid, imma dik l-esperjenza, ara kieku nagħmlu din ir-riforma issa jew fil-baġit li ġej, kieku nagħmlu dik ir-riforma nolqtu realtajiet ta’ tant nies, għax bħall-esperjenzi individwali ħafna drabi jkollok ħafna nies li għaddejjin minn dik ir-realtà. B’dawn l-esperjenzi, inti tista’ tmur lura, titħaddet mal-Kabinett, titħaddet mal-Grupp Parlamentari u bihom tista’ tfassal riformi li tista’ tibqa’ tagħmel it-tajjeb għan-nies.”
Hawnhekk semma kif il-Gvern jemmen bil-fatti fil-faxxa tal-middle class ta’ pajjiżna, dan hekk kif, fost l-oħrajn, b’investiment ta’ miljuni t’ewro offra u għadu joffri stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Ma naqasx li jitkellem ukoll dwar il-ħidma ta’ Gvern Laburista li, minkejja li ninsabu f’kampanja elettorali, wettqet numru ta’ proġetti, waqt li l-investimenti u l-miżuri pożittivi ma waqfux u lanqas huma se jieqfu wara t-tmienja ta’ Ġunju li ġej.
Dr Abela appella lil dawk li, sal-lum għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot, biex jagħmlu dan bejn it-Tlieta u l-Ħamis.
Saħaq li dan hu Gvern, partit, li jisma’ lil kulħadd, inkluż il weġgħat tan-nies. U għalhekk appella biex in-nies jersqu ’l quddiem bil-problemi tagħhom għandu personalment u għand id-deputati u kandidati kollha tal-Partit Laburista.
Robert Abela temm l-intervista b’messaġġ ċar.
Qal, “Il-messaġġ tagħna jrid ikun wieħed ċar, nhar is-Sibt, ivvotaw kmieni, oħorġu minn tal-ewwel biex tibgħatu messaġġ b’saħħtu. Lil dawk kollha, li għadhom xettiċi, kif għedtilkom ressquhom lejna ħalli sa nhar is-Sibt noffrulhom is-soluzzjonijiet ħalli bil-vot b’saħħtu ta’ kull wieħed u waħda minnkom nibqgħu nagħtu s-saħħa lill-Ġwanniżi, is-saħħa lill-Għawdxin u s-saħħa lill-Maltin. Grazzi lilkom ilkoll.”