Il-baġit għas-sena d-dieħla se jkun qed jiġi ppreżentat fis-17 t’Ottubru. Dan il-baġit se jkun imfassal fuq numru ta’ konsultazzjonijiet li saru ma bosta entitajiet differenti kif ukoll fuq il-prijoritajiet tal-Gvern għas-sena 2017.
Hekk kif pajjiżna irreġistra livell rekord ta’ tkabbir ekonomiku, ħolqien ta’ impjiegi u livell baxx ta’ defiċit, il-Gvern qed jimmira li l-baġit li jmiss se jkun qed jaħdem fuq aktar miżuri li joffru inklużjoni soċjali u ġustizzja soċjali.
Dan kien tħabbar fid-dokument ta’ qabel il-baġit 2017. L-edukazzjoni, is-saħħa u s-sigurtá soċjali se jibqgħu prijoritajiet ewlenin fil-baġit għall-2017 flimkien ma’ tisħiħ f’dik li hija solidarjeta soċjali. Prijoritá oħra se tibqa l-edukazzjoni, bl-għan li l-Gvern ikompli jtejjeb il-kwalitá tal-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll ikompli jinċentiva aktar studenti biex ikomplu l-istudji tagħhom fost oħrajn biż-żieda fl-istipendji skont l-għoli tal-ħajja.
Is-settur tas-saħħa se jkompli jingħata l-attenzjoni meħtieġa biex itejjeb l-aċċess għas-saħħa u jkompli jnaqqas il-listi ta’ stennija. L-enerġija se tibqa wkoll settur ewlieni ta’ investiment fejn saħansitra mistennija tagħmel profitt għall-ewwel darba s-sena d-dieħla.
Għal darb oħra l-gzira għawdxija mistennija tingħata promenenza fil-baġit tas-sena d-dieħla, filwaqt li fil-qasam tal-ġustizzja, l-gvern huwa kommess li jnaqqas id-dewmien fil-każijiet tal-qrati biex itejjeb l-aċċess għall-ġustizzja.