Il-Gvern iltaqa’ mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali b’rabta mal-baġit 2019. Dawn il-laqgħat huma importanti ferm għat-tħejjija tad-dokument finali tal-baġit, hekk kif l-MCESD iressqu ‘l quddiem l-isfidi fis-soċjetà Maltija. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega kif bħas-snin preċedenti, il-Gvern lest jilqa’ s-suġġerimenti u jikkunsidrahom.
Il-Ministru qal li dan se jimxi fuq il-passi ta’ qablu, filwaqt li se jkompli jindirizza lil dawk li huma vulnerabbli.
Tkellem ukoll fuq ir-rata tal-inflazzjoni. L-ideal f’dan is-settur huwa li din ir-rata tkun ta’2%. F’Malta, ir-rata hija inqas minn dan, u għaldaqstant m’hemmx sitwazzjoni ta’ allarm. Waqt il-laqgħa mal-MCESD, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia semma kif fl-aħħar xhur saru diversi laqgħat mal-MCESD u ġew diskussa diversi oqsma.
Dan filwaqt li bħal kull sena, il-baġit se jħares fit-tul.