Il-budget 2018, se jkun wieħed li se jiffoka fuq l-infrastruttura u se jinkludi ukoll miżuri importanti b’rabta mas-solidarjetà soċjali. Qal dan il-Ministru għall-finanzi Edward Scicluna li flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia fl-ewwel taħdita mal-imsieħba soċjali dwar il-budget 2018.
Matul din il-laqgħa ġew spjegati l-prijoritajiet għall-budget 2018, u preżenti għaliha kien hemm l-imsieħba soċjali kollha li jifformaw parti mill-Kunsill Malti għall-ekonomija u l-iżvilupp soċjali, MCESD.
Scicluna qal li l-ekonomija Maltija hija vibranti u b’saħħitha u għalhekk hemm bżonn infrastruttura tajba biex dan is-suċċess ikun kumplimentat.
Għalhekk, hemm bżonn ta’ pjan infrastrutturali ħolistiku li jiffoka fuq it-toroq u l-housing. Xi ħaġa li trid issir biex ma jkunx hemm ostakli għat-tkabbir ekonomiku.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li din is-sena l-kunsill għandu element akbar, dan għaliex bħala parti mir-ristrutturar, l-imsieħba soċjali jistgħu jappuntaw l-esperti tagħhom biex ikollhom sehem fid-diskussjoni li tkun qed issir dwar suġġett partikolari fit-tħejjija tad-dokument tal-budget.
Is-Segretarju parlamentari Aaron Farrugia saħaq fuq l-importanza ta’ diskussjoni mal-imsieħba u li jingħata widen għall-ħsibijiet tagħhom biex dan ikun rifless fil-budget 2018.
Din kienet l-ewwel, minn sensiela ta’ laqgħat hekk kif se jsiru laqgħat mal-qasam kummerċjali, unions u l-pubbliku inġenerali, biex kulħadd ikollu sehem fit-tqassim tal-pjan finanzjarju tal-pajjiż.