Se jiġu allokati €1.8 miljun biex jissaħħu l-iskemi u l-inizjattivi għall-ħarsien tal-annimali. Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali f’seduta Parlamentari l-Erbgħa filgħodu li kompliet tittratta l-estimi għall-Baġit tas-sena d-dieħla. Estimi li ffokaw fuq il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Bugeja Said spjegat l-allokazzjoni finanzjarja massiċċa għal dawn it-tip ta’ programmi u oħrajn is-sena d-dieħla.
Qalet, “L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm u inizjattivi taħt dan il-ministeru se tilħaq l-€34.4 miljun għas-sena d-dieħla. Din tfisser allokazzjoni finanzjarja darbtejn u nofs ikbar minn dik tas-sena preċedenti.”
B’rabta mas-settur tal-annimali, Bugeja Said irrimarkat, fost oħrajn, li se tiġi estiża l-għajnuna għall-ispejjeż veterinarji għall-għaqdiet voluntieri fis-santwarji, se jiġi investit nofs miljun ewro fl-Animal After Care, se jiżdied l-investiment għall-kampanja għat-tiswija tal-qtates u se jiġi estiż u msaħħaħ l-Adopt-a-Pet Allowance, fost oħrajn.
Hi rrimarkat ukoll li dawn il-miżuri u ħafna oħrajn magħhom, fosthom fil-qasam tas-sajd, waslu frott ħafna laqgħat ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt, matul din is-sena saru 40 laqgħa ta’ konsultazzjoni mas-sajjieda kollha ta’ Malta u Għawdex.
Sadanittant il-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Anton Refalo, irrimarka l-importanza tar-riformi fil-qasam tal-agrikoltura. Riformi li Gvern Laburista pprijoritizza anke, fost oħrajn, bl-emendi dwar l-art agrikola tal-Gvern biex jiġu simplikati proċessi t’artijiet mogħtija lill-bdiewa bi qbiela.
Stqarr, “Bla dubju kien hemm sfidi kbar, imma dan il-Gvern ma beżax jagħmel dak li ħaddieħor naqas li jagħmel. Rajna u se nkomplu naraw Gvern li dejjem se jippromwovi u jipproteġi l-aċċess għar-raba għall-bdiewa tagħna.”
Min-naħa tagħha, id-Deputata Romilda Zarb aċċennat għall-investiment propost fis-settur agrikolu. Dan, fost oħrajn, bl-allokazzjoni ta’ ftit inqas minn €17-il miljun biex jinżamm stabbli l-prezz tad-dqiq, iċ-ċereali u l-ġwież.
Stqarret, “Din l-għajnuna finanzjarja għas-sena 2024 se tkun dik ta’ aktar minn €16-il miljun. Allokazzjoni ta’ aktar mid-doppju ta’ dak li kien investit matul is-sena 2023.”