Il-fergħa tan-nisa tal-Partit Laburista sostniet li l-mara ta’ kull età f’pajjiżna minn dejjem kienet suġġetta għat-taxxa tal-VAT fuq prodotti sanitarji neċessarji fil-ħajja ta’ kuljum, iżda issa, permezz tal-Baġit 2025, qed issir ġustizzja hekk kif tħabbret l-eliminazzjoni tal-istess taxxa, fost miżuri oħrajn.
In-Nisa Laburisti semmiet ukoll kif it-taxxa se titneħħa wkoll minn prodotti u aċċessorji użati minn nisa fil-kura tal-kanċer.
Faħħret ukoll il-fatt li, mis-sena d-dieħla, se tidħol fis-seħħ il-liġi relatata ma’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, waqt li l-baġit se jkompli jgħin iżjed familji, permezz ta’ miżuri soċjali, bħaż-żieda fl-għotja taż-żwieġ, l-inċentivi relatati mal-IVF u ż-żidiet fiċ-Children’s Allowance.
Il-fergħa Laburista temmet tgħid li dawn il-miżuri se joffru kwalità ta’ ħajja aħjar b’iżjed flus fil-bwiet tal-familji.