Permezz tal-Baġit 2024, il-familji Maltin u Għawdxin se jkunu qed igawdu minn żidiet li jiżbqu mhux biss dawk li ngħataw fl-aħħar Baġit għal din is-sena, iżda wkoll ferm aktar mill-medja ta’ kull sena li pprovdew il-baġits tul l-aħħar leġiżlatura bejn l-2017 u l-2022.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif spjegat li bejn is-sussidji tal-enerġija, li se jinżammu s-sena d-dieħla wkoll, u ż-żidiet tal-Cost Of Living Adjustment (COLA), tal-mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja, fl-In-Work Benefit u fiċ-Childrens’ Allowance, il-familji se jkunu qed jesperjenzaw qabża fid-dħul tagħhom fis-sena li tammonta għal bejn tlieta u sitt darbiet aktar mill-medja li rċevew fil-leġiżlatura preċedenti.
Fil-fatt, meta wieħed iqis li fl-aħħar leġiżlatura familja partikolari ħadet żieda medja fis-sena ta’ €695 u mal-€1,300 bil-Baġit li għadda, iż-żieda li se tara s-sena d-dieħla hi biss €600 inqas miż-żidiet kollha li ħadet mill-2017 ’l hawn magħdudin f’daqqa.
Daqstant hi kbira l-għajnuna li l-Gvern Laburista għażel li jinvesti fis-soċjetà u partikolarment f’dawk l-aktar vulnerabbli fl-2024.
Dan, fl-istess ħin, li ma żdied l-ebda piż jew taxxi u saħansitra qed jinżamm kontroll tajjeb ħafna tal-bilanċi fiskali tal-finanzi nazzjonali, skont il-parametri stabbiliti mir-regoli tal-Unjoni Ewropea.