Dan huwa l-aktar baġit b’saħħtu, baġit sostenibbli għaliex il-miżuri mħabbra kapaċi nsostnuhom fis-snin li ġejjin bħala pajjiż.
Fost il-miżuri mħabbra hemm dwar il-ġlieda kontra t-traffikar uman li bħala pajjiż qed nindirizzaw dan b’serjetà tant li l-baġit għal dan il-għan żdied b’150% fuq il-baġit tas-sena 2019, jiġifieri €300,000 aktar. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-riformi, Julia Farrugia Portelli, waqt konferenza stampa li saret dalgħodu. Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli fakkret ukoll kif l-imsieħba soċjali flimkien mal-pubbliku fadallu 12-il jum ieħor sabiex jgħaddu l-ideat tagħhom dwar dan is-suġġett biex mis-sena d-dieħla tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali dwar it-traffikar uman li huwa msejjes fuq tliet pilastri: il-prevenzjoni u l-għarfien, il-protezzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikanti.
Is-Segretarju Parlamentari kompliet dwar is-suġġett tal-prostituzzjoni u l-għajnuna li trid tingħata lill-persuni li jispiċċaw vittmi tal-prostituzzjoni. Hija semmiet il-proġett pilota li beda f’Mejju li għadda fil-facilità korettiva ta’ kordin tal-programm Exit Programme biex jgħin lill-prostituti li qed jiskontaw sentenza ħabs minħabba l-prostituzzjoni biex tingħatalhom ħajja ġdida.
Il-baġit 2020 se jkun qed jindirizza wkoll l-irwol tal-mara fil-ħajja pubblika. Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli semmiet li fl-2020 se tiġi mnieda kampanja li tgħin bniet kif ukoll nisa jkunu aktar attivi fil-ħajja politika li sa issa għadha ddominata mill-irġiel.
Fid-diskors tagħha, semmiet ukoll is-suġġett tal-kannabis u kif minn din is-sena skolastika bdiet kampanja fost it-tfal tal-iskola biex ma jirrikorrux lejn vizzji ħżiena. Infatti Malta qed timxi fuq il-mudell Islandiż dwar dan is-suġġett fost it-tfal, li sal-aħħar ta’ din is-sena skolastika, il-programm huwa mistenni li jilħaq 9,000 student. Kompliet tgħid li l-Gvern jifhem li hawn adulti li jieħdu l-kannabis u semmiet kif huma għandhom jingħataw protezzjoni hekk kif f’ċertu każijiet qed tinxtara l-kannabis mħallta ma’ affarijiet oħra li tagħmel aktar ħsara lill-ġisem.
Fl-aħħarnett semmiet l-aġenzija Identity Malta u kif qed tagħmel is-servizzi li tati aktar aċċessibbli u tnaqqas l-istennija għalihom. Semmiet il-proġett pilota b’suċċess dwar l-applikazzjonijiet ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu f’Malta isiru online permezz tal-E-ID. B’dan il-mod dan is-servizz ġie simplifikat aktar.