L-attur Fabian Scerri De Carlo waqt il-programm PrimeTime fuq ONE, tkellem dwar is-suċċess tal-karattru tas-Sur Gawdenz Bilocca. Fabian, li kien jinterpreta dan il-karattru maħbub minn bosta, u li tant jibqa’ assoċjat miegħu, qal li s-Sur Gawdenz Bilocca twieled 28 sena ilu, fl-1994 waqt ‘play’ fuq il-palk, iżda ħa l-fama u sar aktar popolari meta bdiet is-sensiela tiegħu fuq it-televiżjoni permezz tal-istazzjon ONE.
Daqs 30 sena ilu ma kontx nobsor li dan il-karattru kien ser ikun daqshekk popolari. Minn fuq il-palk għat-televiżjoni, il-karattru tas-Sur Gawdenz kelli niżvillupah naqra differenti, għaliex oriġinarjament il-karattru kien aktar kajman u għat-televiżjoni ridtu iżjed imferfex. Ironikament nista’ ngħid li Gawdenz kien naqra avvanzat, għaliex fiż-żmien li aħna bdejna Gawdenz, il-mowbajl kien għadu jibda u jekk tiftakru, Gawdenz kien jagħmel kollox bil-mowbajl, eżempju jiftaħ il-bagalja, jixgħel id-dawl u aktar. L-affarijiet li konna nidħku bihom, illum ġew realta’.
Fabian Scerri De Carlo – Attur
Is-Sur Gawdenz Bilocca kellu ħafna affarijiet assoċjati miegħu, fosthom il-karozza u l-bagalja. L-attur Fabian Scerri De Carlo waqt il-programm stqarr li l-bagalja orġinali kien xtraha mid-Dar tal-Providenza. Ġo din il-bagalja kien hemm santa tal-Madonna tal-Providenza u sal-lum din is-santa għadha ġol-bagalja oriġinali li għadha għandu.
Segwi hawn l-edizzjoni ta’ PrimeTime fejn Owen Bonnici tkellem ma’ Fabian Scerri DeCarlo