Waqt laqgħa bejn il-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi parti mill-5+5 ġew diskussi mezzi ġodda biex l-pajjiżi tal-Mediterran jattiraw iżjed investiment privat fir-reġjun.
Il-pajjiżi tal-5+5 jinkludu l-pajjiżi Ewropej Mediterranji bħal Malta, l-Italja u Franza filwaqt li fuq il-mejda kien hemm ukoll il-pajjiżi Afrikani, bħal-Libja, it-Tuneżija u l-Alġerija. Il-laqgħa tal-5+5 saret fi sfond li għada f’Malta se jkun hawn laqgħa informali tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-laqgħa tal-5+5 tmexxiet mill-Ministru tal-Finanzi Malti Edward Scicluna u fiha ntqal li fl-aħħar snin ir-reġjun Mediterranju għadda minn taqlib politiku u għalhekk hemm bżonn li l-ekonomija fir-reġjun tiġi stimulata mill-ġdid.
Il-pajjiżi Ewropej u Afrikani qablu wkoll li jsibu modi kif jikkoperaw bi sħiħ fl-ambitu ekonomiku u finanzjarju tal-Mediterran.