“Il-31 ta’ Marzu, 1979. L-akbar festa li qatt rat Malta fl-istorja tagħha.” Hekk kien iddeskriva l-ġrajja tal-Ħelsien il-Prim Ministru u Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, il-Perit Duminku Mintoff.
Din is-sena, proprju fil-45 anniversarju minn din il-ġrajja li biddlet ix-xenarju lokali b’diversi modi, il-Partit Laburista se jkun qiegħed ifakkar l-avveniment nhar it-Tlieta, 26 ta’ Marzu mis-6:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem f’Xatt ir-Risq, fil-Birgu.
Matul din iċ-ċerimonja, li tiġi organizzata kull sena, il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista attwali Robert Abela se jindirizza lill-folla li mistennija tattendi.
Bi tħejjija għall-attivitajiet ta’ nhar it-Tlieta, ONE News ħa l-opportunità li jitkellem mal-Professur tal-istorja lokali Ray Mangion fejn qasam magħna xi ħsibijiet dwar din il-ġurnata importanti li sawret l-identità ta’ pajjiżna.
Hu saħaq kemm hu importanti li l-pubbliku joħroġ bi ħġaru biex jiċċelebra din il-ġurnata ta’ sinifikat kbir għal pajjiżna, filwaqt li tenna jgħid kemm il-Partit Laburista kien strumentali biex Malta ħadet dan il-pass għall-Ħelsien sħiħ.
“Din hi ġurnata nazzjonali u għandu joħroġ il-poplu Malti kollu, naturalment il-Laburisti għandhom biex jiftaħru, għandhom verament biex jiddandnu, kif ngħidu bil-Malti, għax din ħadem għaliha ħafna l-Partit Laburista, anke partit oħrajn, imma l-Partit Laburista kien dak li ssiġilla din il-ġrajja importanti.”
Biex inkisbet din il-kisba importanti, f’Marzu tal-1972, ftit xhur wara li nħatar Gvern ġdid Laburista, immexxi mill-Perit Dom Mintoff, ġiet iffirmata r-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża mal-Gvern Ingliż.
B’hekk, il-Gvern Malti ġab pakkett ta’ 14-il miljun Sterlina fis-sena għal seba’ snin, u kien ġie miftiehem li sal-aħħar ta’ Marzu tal-1979, l-Ingliżi jħallu pajjiżna darba għal dejjem.
Fl-isfond ta’ dan, il-Professur Mangion spjega magħna s-sinifikat tal-avvenimenti li ġraw fil-31 ta’ Marzu 1979 u kif il-motivazzjoni ta’ Dom Mintoff għall-Ħelsien wasslet għal dan il-pass storiku.
“Huwa importantissimu, għax kif anke indika l-Prim Minsitru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kienet verament il-ġurnata li fiha ksibna l-Ħelsien; fis-sens li aħna diġà ksibna l-Indipendenza, imbagħad ħadna l-istatus ta’ Repubblika. Però, xorta kien għad għandna l-bażijiet militari f’Malta u l-Perit Mintoff dejjem kien jemmen li Malta biex tkun verament ħielsa se tkun rajha f’idejha mhux biss ċivilment, imma militarment ukoll.”