Fil-lejl li laqa’ s-sena l-ġdida, l-operaturi tal-helpline nazzjonali l-179, b’suċċess, salvaw persuna milli tneħħi ħajjitha u tagħmel suwiċidju.
Wara telefonata oħra, l-operaturi li jaħdmu 24 siegħa kuljum, sabu saqaf fuq ras raġel li spiċċa mingħajr dar, fl-istess ħin li qed jieħu t-trattament tal-kimoterapija għal kontra l-kanċer.
Dawn l-istejjer jikkumplimentaw oħrajn, wara li persuni f’diffikultà jagħmlu kuraġġ u jċemplu fuq in-numru 179 biex ifittxu l-għajnuna jew jiftħu qalbhom mal-ħaddiema tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali , l-FSWS.
Għall-ewwel darba, fl-ewwel jum tas-sena, dan l-istazzjon daħal fil-binja minn fejn titħaddem il-linja 179 u hemmek rajna numru ta’ ħaddiema lesti biex jirċievu t-telefonati.
Minħabba s-sigurtà tagħhom, l-ebda identità jew il-post mhuma qed jiġu identifikati.
Hawnhekk tkellimna ma’ waħda mill-operaturi li ilha taħdem fuq il-linja 179 għal dawn l-aħħar snin, fejn irrakkuntat kif filwaqt li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi jittrattaw l-aktar ma’ każijiet ta’ solitudni, oħrajn ikunu b’rabta ma’ suwiċidju.
Qalet, “Kellna każ ukoll ta’ età żgħira, kif irrispondejna t-telephone mal-ewwel tlabna l-għajnuna għax kien f’sitwazzjoni gravi li ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Kien hemm pjan li lest ineħħi ħajtu jekk ma nibgħatulux l-għajnuna mal-ewwel. Ikkopera ħafna bqajna miegħu fuq il-linja sakemm il-kollegi laħqu u kkomunikaw mal-emerġenza biex tintbgħat l-għajnuna.”
L-operatur żiedet tispjega x’każijiet oħra ltaqgħu magħhom.
Stqarret, “Diversi każijiet bħal homeless, nies li qed jiġu abbużati, tfal, problemi ta’ drogi, problemi ta’ saħħa mentali u nmissu ma ħafna aktar problemi soċjali.”
Tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti li filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha li għalihom ma hemmx ħdud u festi u jkunu hemm għal dawk l-aktar fil-bżonn, semma servizzi oħra li jiġu offruti kuljum bla waqfien.
Qal, “Dawn huma għalina servizzi essenzjali, jiġifieri ma hemmx ħdud u festi. Minbarra dawn għandna servizz ta’ rijabilitazzjoni f’Ħal Farruġ, fejn hemm residenti li ma jmorrux id-dar u hemm is-servizz tal-vjolenza domestika u servizz tal-protezzjoni tat-tfal. Barra dan hemm id-djar tat-tfal li nmexxu aħna, għandna għaxra u għandna ‘l fuq minn 50 żagħżugħ u żagħżugħa jew iżgħar.”