Matul din il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta li ssostni l-prinċipji u l-valuri li fuqhom ġie mwaqqaf il-Kunsill tal-Ewropa.
Dan sar waqt li indirizza l-133 Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-okkażjoni tal-75 Anniversarju ta’ din l-organizzazzjoni.
Filwaqt li nnota l-fatt li l-laqgħa ħabtet ma’ Jum IDAHOT+, il-Ministru Borg enfasizza li l-Ewropa għandha tfittex li telimina d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha u tħaddan is-sbuħija tad-diversità tal-umanità.
Filwaqt li rrikonoxxa l-istorja ta’ 75 sena ta’ ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa biex javvanza l-valuri ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-Ministru Borg fakkar li bi gwerra fuq art Ewropea, ir-reġjun jeħtieġ joqgħod attent li din il-ħidma ma tintelaqx lura.
Fil-marġini tal-Kumitat tal-Ministri, il-Ministru Borg ipparteċipa wkoll fi djalogu taż-żgħażagħ, fejn iddiskuta ma’ żgħażagħ minn madwar l-Ewropa, fejn anke stqarr li ż-żgħażagħ huma ċentrali għall-aġenda tal-politika tal-pajjiż, bl-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ magħżula bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, is-sena d-dieħla.
Qal, “Malta ukoll mhux biss allura pparteċipajt maż-żgħażagħ li qed jaraw kif għandu jevolvi l-Kunsill tal-Ewropa għall-mitt sena illi ġejja, iżda wkoll spjegajt il-ħidma illi għaddejja għaliex is-sena d-dieħla se jkollna il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.”
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru kellu impenji oħra fl-irwol tiegħu ta’ Chair-in-Office tal-OSCE, inkluż laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Liechtenstein Dominique Hasslet, li qed ittemm it-terminu tagħha bħala President tal-Kunsill tal-Ewropa, u s-Segretarju Ġenerali tal-istess organizzazzjoni Marija Pejčinović Burić.
Huma qablu li jkomplu jsaħħu s-sinerġiji eżistenti bejn dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet multilaterali, sabiex jimmassimizzaw ir-riżorsi u jiżguraw rispons aktar komprensiv għall-isfidi li qed jiffaċċjaw.
Stqarr, “Jiena konvint kif għamilna suċċess mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, mill-parteċipazzjoni tagħna għal sentejn fuq il-Kunsill tas-Sigurtà, u l-Presidenza tal-OSCE, anke s-sena d-dieħla se nkunu qed nagħmlu ġieħ u isem lil Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.”