Waqt il-139 ċerimonja għall-bidu tas-sena Forensi fil-Qrati ta’ Malta ndirizzaw l-awla il-President tal-Kamra tal-Avukati u l-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
Fl-indirizz tiegħu l-President tal-Kamra Dr George Hyzler faħħar lill-Gvern għal numru ta’ bidliet li daħħal, inkluż id-deċiżjoni li jkun hemm Kumitat li jiskrutinizza l-Ħatriet Pubbliċi.
Huwa wkoll għadda suġġerimenti għal titjib ta’ miżuri li ddaħħlu fl-aħħar snin bħalma huwa l-Kumitat tal-Ħatra tal-Ġudikanti u l-Court Attorneys.
Dr Hyzler sostna li huwa kruċjali li f’pajjiżna jkollna liġi li tirregola l-avukati u ħeġġeġ lill-Gvern biex din tidħol malajr kemm jista’ jkun. Qal li l-Kamra se tkun qed tintroduċi sett ta’ regoli biex sakemm tidħol il-liġi l-membri tal-Kamra tal-Avukati bilfors ikunu jridu jsegwuhom u b’hekk tiġi ntrodotta ċertu dixxiplina fil-professjoni.
Minn naħa l-oħra il-Prim Imħallef Dr Silvio Camilleri saħaq li llum ħass li kellu jitkellem fuq is-saltna tad-dritt. Din hija s-saltna li żżomm id-demokrazija f’pajjiżna u tpoġġi lil kullħadd suġġett ta’ liġi waħda.
Saħaq fuq l-importanza li l-Pulizija jagħmlu xogħol li mhux biss jaqbad lil dawk li kisru l-liġi iżda wkoll investigazzjoni. Din kienet l-aħħar darba li l-Prim Imħallef indirizza din iċ-ċelebrazzjoni hekk kif se jkun qed jirtira matul din is-sena.