Il‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta se jkun fost il-binjiet li se jiftaħ il‑bibien tiegħu waqt Notte Bianca 2022, nhar is-Sibt 1 ta’ Ottubru.
Viżitaturi jistgħu jżuru bosta swali fil‑palazz fosthom il‑piano nobile li jinkludi s‑sala tat‑tron, u l-Kanċellerija tat-Tribunal bl-għamara antika tagħha u s-soqfa mpittra. Il‑ġnien bis‑siġar taċ‑ċitru kif ukoll iċ‑ċisterni storiċi bl-għejun tal-ilma se jkunu miftuħin għall-pubbliku.
Kollezzjoni ta’ pitturi antiki se tkun għall-wiri, fosthom dik tal‑Isqof Pawlu Alpheran de Bussan tal‑artist Francesco Zahra, li reġgħet tqiegħdet fis‑Sala tat‑Tron wara li ġiet restawrata fl‑2017.
Il-Palazz imur lura għas-seklu 17 u jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Triq l-Arċisqof qrib Misraħ l-Indipendenza. Ser ikun miftuħ mis‑6:30 p.m. sal‑10:30 p.m. u d‑dħul huwa b’xejn. Persuni li għandhom il-karta tad-diżabbiltà jistgħu jaqbżu l-kju biex iżuruh.
Aktar dettalji dwar kif tista’ tgawdi n-Notte Bianca issibhom hawn.