Il-President ta’ Malta wasslet riflessjonijiet mal-poplu Malti permezz ta’ filmat qasir. Osservat li għal uħud, dawn il-ġimgħat ta’ kampanja elettorali, kienu jfissru telf ta’ paċi u serenita’.
Kienu ġimgħat fejn sfortunatament, il-valuri tal-kompassjoni, is- solidarjetà, u s-sens komunitarju, twarrbu. B’dispjaċir il-President innotat iż-żieda qawwija f’tgħajjir, insulti, u diżrispett lejn xulxin.
Żiedet tgħid li n-nuqqas ta’ rispett u dinjita’ lejn xulxin, tneżża lill-persuna, li jaqla’ l-insulti u t-tgħajjir, mill-umanità tagħha. Wissiet kontra l-abbuż mill-mezzi tal-komunikazzjoni, speċjalment dawk soċjali. Sfortunatament, f’dawn il-ġimgħat, dan l-abbuż kiber, b’konsegwenzi li ma nistgħux nikkalkulawhom.
Dak li beda fil-midja, qalet il-President, tkompla fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel, fil-postijiet tad-divertiment, bejn il-ġirien, il-ħbieb u anke fil-familji.
Nafu lkoll, li l-ħsara tinfirex b’ħeffa, qalet il-President. Spjegat li temmen li li l-episodji ta’ diżrispett ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ħallew telliefa biss. Tilef min insulta u għajjar, tilfu l-persuni milquta, tilfu l-partiti, li f’isimhom saru dawn l-atti ta’ diżrispet. Tilef il-pajjiż, li sar anqas uman, tilfu l-familji, li f’xi wħud minnhom nibtet anke l-mibegħda. Intilef ħafna mis-sens ta’ djalogu bejnietna, u “tlifna lkoll bħala nazzjon”.
F’dan il-mument, u fiż-żmien li ġej, il-President appellat biex jieqaf il-lingwaġġ aggressiv u abbużiv. Appellat għal djalogu mibni fuq il-fatti u fuq ir-rispett reċiproku.
Fi ftit sigħat oħra, se jkollna parti mill-popolazzjoni ferrieħa, u parti oħra ddispjaċuta. Għalhekk il-President appellat lill-partiti u lill-istituzzjonijiet, postijiet tax-xogħol, u familji, biex f’dan il-mument, jintwera rispett.
Esprimiet ukoll, kemm iħossha kburija, b’dawk fostna Maltin u Għawdxin, b’fehmiet politiċi differenti, li kienu rispettużi u dinjitużi, fis-sehem li taw, fit-twettiq ta’ dan il-proċess demokratiku.
Ikun xi jkun ir-riżultat, nibqgħu poplu u nazzjon wieħed, ġirien, u familjari ta’ xulxin temmet tgħid il-President.