Fi tliet xhur mindu bdiet topera t-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, saru erba’ mija u tlieta u erbgħin rapport, medja ta’ ħamsa kuljum.
Dawn il-każijiet ħallew erba’ mija u sitta u ħamsin vittma. Tliet mija u ħmistax huma nisa, u mija u wieħed u erbgħin, irġiel.
B’rabta ma’ dawn ir-rapporti, tnejn u ħamsin persuna tressqu l-Qorti b’urġenza, li jfisser li l-Pulizija raw periklu imminenti u ma ħadu l-ebda riskju.
L-Ispettur Audrey Micallef, li taħdem l-aktar mal-allegati aggressuri, qalet li minkejja li r-reat huwa komuni, kull każ huwa differenti, u wara kull aggressur hemm ukoll persuna.
Hija saħqet: “Mhux ġustifikat dak li jkun għamel, qatt mhu ġustifikat, però trid tidħol fiż-żarbun ta’ dak li jkun u jekk hemm bżonn li dal-aggressur jiġi mgħejjun ukoll, iva għaliex le? Mhux l-ewwel darba li quddiemi filli għandi stampa ta’ aggressur imma mbagħad kif nibda l-interrogazzjoni, ngħid hawnhekk għandi vittma wkoll jiena.”
Filwaqt li saħqet għal darba, darbtejn, li l-ebda reat mhu ġustifikabbli, l-Ispettur innutat li ħafna mill-aggressuri jkollhom trobbija ħażina, problemi ta’ rabja, u vizzji bħad-droga u x-xorb.
Hija tkellmet dwar esperjenza partikolari li ltaqgħet magħha fl-aħħar xhur: “Straight jgħidlek, jiena kulma rajt meta kont żgħir ma rajt xejn ħlief lil missieri jsawwat lil ommi, jiġifieri dan x’jaf aħjar? Meta dan minn ċkunitu kulma ra dejjem lil missieru jsawwat lil ommu.”
Hija tkellmet dwar il-ħidma tagħha mal-aggressuri fl-aħħar tliet xhur.
L-Ispettur Micallef irrakkuntat: “Ġieli kelli min iva, juri ċertu tip ta’ rimors, u jgħidli għax ix-xorb dak il-ħin, ma kontx naf x’qed nagħmel, u tara li forsi in the long run, għax aħna nibqgħu f’kuntatt mal-vittmi, ġieli jkun hemm progress, però ġieli tara wkoll aggressuri, pereżempju tistaqsih sawwatha lill-girlfriend jew lill-mara? Jgħidulek iva ta’, u jgħiduha b’ċertu poter, qisu kburi li għamel hekk.”
L-Ispettur tifhem li jkun hemm min jibża’ jirrapporta minħabba theddid, imma saħqet li hemm l-għodda u r-riżorsi jekk wieħed ifittex l-għajnuna.
Hija saħqet: “Hemm ukoll għajnuna oħra oltre li mhux ġew jirrappurtaw, tlajna l-Qorti u l-każ waqaf hemm. Le. Huma jkomplu jiġu segwuti mill-Aġenzija Appoġġ, għandna wkoll is-sezzjoni tagħna tal-Pulizija tal-Victim Support Unit, jiġifieri għajnuna hemm kemm trid. Just trid tfittixha, u qiegħda hemmhekk.”