Għax l-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil ma tistax tattakka lill-Gvern dwar il-publikazzjoni tal-inkjesti, xi ħaġa li qed isir mingħajr preċedent hekk kif dan il-Gvern mhux biss qed jippubblika l-inkjesti iżda diġa’ ppubblika l-kuntratti maġġuri kollha, illum, ironikament permezz ta’ Jason Azzopardi, il-persuna li rapporti tal-Awditur li jgħidulu biex jirrizenja ma jagħtix każhom, attakka l-fatt li ma kinitx publikata x-xhieda fl-inkjesta ta’ Għawdex.
Dan innotaħ il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-Partit qal li fejn qabel Gvern Nazzjonalista wieħed wara l-ieħor kien iħalli l-inkjesti u r-rapporti fuq l-ixkaffa jaqilgħu t-trab, u jibqa’ għaddej qisu romblu fuq dak li jgħidulu l-istituzzjonijiet, dan il-Gvern qed jaġixxi u qed ikun trasparenti.
Il-verità hi li Simon Busuttil huwa politikament iddisprat fuq dan il-każ ta’ Għawdex li ħoloq hu għax mill-ħafna paroli li qal ma kien hemm xejn u minkejja li l-ewwel qal li mhux ħa ssir investigazzjoni, imbagħad wara li ġiet ordnata l-inkjesta qal li mhux se tkun ippublikata, imbagħad attakka lil min ħa ħsiebha għal darba darbtejn tlieta, issa għax ħarġet irid isib xi ħaġa oħra u qed jgħid li trid tkun ippubblikata x-xhieda meta din tista’ tippreġudika inkjesti oħra milli joħorġu l-verità.
Il-Partit Laburista temm jgħid li flok jattakka lil dan il-Gvern li huwa l-ewwel Gvern li verament qed jippubblika l-inkjesti u r-rapporti, ikun aħjar li Simon Busuttil jimxi nofs pass fuq dak li jgħid u jippubblika l-invoices foloz li ilu jaħbi għal aktar minn xahar.