“Ikun aħjar li David Casa u Roberta Metsola jaħdmu f’isem Malta milli f’isem l-interess partiġġjan tagħhom.”
Hekk stqarr fi stqarrija l-Partit Laburista b’reazzjoni għal dikjarazzjonijiet li saru mill-ewroparlamentari Nazzjonalisti fi tmiem laqgħa fi Brussell mal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Partit Laburista qal li filwaqt li l-Prim Ministru Abela qiegħed jitkellem mal-istituzzjonijiet kollha Ewropej biex ikompli jwassal il-messaġġ li Malta qiegħda taħdem qatiegħ favur is-saltna tad-dritt u l-Governanza tajba, l-ewroparlamentari Nazzjonalisti għażlu li jippolitiċiżaw laqgħa mitluba mill-Prim Ministru bħala sinjal ta’ rieda li jkun hemm aktar djalogu magħhom.Dan flok ma wrew l-id tal-ħbiberija u l-koperazzjoni.
L-istqarrija kompliet tgħid kif il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola ma laqgħux lanqas it-talba li għamel il-Prim Ministru li l-laqgħa ssir bejn il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista u dawk tal-Partit Nazzjonalista iżda bħala Membri Parlamentari Ewropej Maltin flimkien.
Il-Partit Laburista temm jgħid li jkun aħjar li Casa u Metsola jneħħu l-għamad politiku minn quddiem għajnejhom fi żmien fejn ittieħdu u se jkomplu jittieħdu d-deċiżjonijiet, anke dawk iebsa.
Fuq kollox saħaq li spiċċa ż-żmien li Casa u Metsola jġibu l-interess partiġġjan qabel dak Nazzjonali