Ġiet imnedija kompetizzjoni ta’ kitba ta’ kotba sabiex fost l-oħrajn it-tfal tal-primarja jitgħallmu jkunu kapaċi jfaddlu, jippajanaw kif iġemmgħu u jonfqu flushom fil-futur.
Permezz ta’ ĠEMMA, l-għalliema tal-primarja issa se jkunu wkoll jistgħu jrawmmu liċ-ċkejknin fuq l-edukazzjoni tal-kapaċità finanzjarja.
Dawk li se jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni se jiktbu kotba mmirati għal tfal bejn il-ħames snin u ħdax-il sena u jridu jinkludu fl-istorja referenzi għall-inklużjoni, il-ħajja sana, id-diversità, it-tradizzjonijiet Maltin u l-matematika.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega dan il-proġett joħloq għodda edukattiva differenti għall-għalliema u l-istudenti.
“Aħna rridu li uliedna jkollhom il-ħiliet fuq l-edukazzjoni finanzjarja li huwa importanti li nibdew mhux minn meta jikbru imma minn meta ta’ età żgħira u anke fil-primarja.” Stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru għall-familja Michael Falzon tenna l-importanza li dawn it-tfal jiġu edukati minn etajiet żgħar, anke minħabba sitwazzjonijiet soċjali diffiċli.
“Inizjattiva mmirata biex wieħed ikollu għarfien iktar u jipprovdi aktar għal dik li hija adekwezza finanzjarja ta’ dak li jkun. Naraw li n-nies jippreparaw u jħarsu ‘l quddiem u jipprijoritizzaw meta biex jiġu biex jagħmlu n-nefqiet tagħhom.” Saħaq il-Ministru Falzon.
Il-kotba jistgħu jinkitbu bil-Malti jew bl-Ingliż, bil-kompetizzjoni tagħlaq fit-30 ta’ Settembru.