L-arkivju nazzjonali qed jistieden lin-nies sabiex jiktbu djarju ta’ kif qed jgħaddu l-jiem ta’ din il-pandemija. Dan fil-proġett imsejjaħ Memorja.
L-assistent prinċipal fl-arkivju nazzjonali Debbie Scerri qalet li l-proġett propjament inbeda ftit tas-snin ilu bl-iskop li jinġabu l-memorji ta’ persuni li laħqu t-Tieni Gwerra Dinjija u s-snin ta’ wara, sabiex jibqgħu ippreservati fl-istorja komuni ta’ pajjiżna.
“Aħna qegħdin niġbru l-memorja kollettiva tagħhom dwar l-esperjenza tagħhom, kif għaddew, kif ħassewhom f’dawk iż-żminijiet u l-istess nixtiequ nagħmlu f’dan iż-żmien straordinarju. M’huwiex normali li l-fatt li għaddejjin mill-pandemija tal-Coronavirus, nixtiequ ninkluduha f’dan il-proġett memorja.”
Scerri qalet li l-arkivju qed ifittex l-esperjenzi ta’ persuni minn kull mixja tal-ħajja, minn ħaddiema sa pensjonanti.
Semmiet li ma’ dawn l-esperjenzi eventalment se jingħaqdu r-rekords u d-dokumenti uffiċjali tal-Gvern sabiex għexjieren u mijiet ta’ snin oħra, riċerkaturi jkollhom minjiera ta’ informazzjoni fuq x’qed jiġri llum.
U fil-preżent, dawk kollha interessati jistgħu jaraw x’ġara f’pandemiji passati bħall-pesta tal-1813.
Fost oħrajn juri kif il-Gvern imperjali kien jippublika mhux biss lista tal-vittmi tal-pesta iżda anka wkoll l-indirizz fejn kienu jgħixu.
Jeżistu wkoll diversi similaritajiet għal dak li qed jiġri llum.
“Li wieħed irid joqgħod f’kwarantina, wieħed irid joqgħod ġewwa, anke jekk wieħed jaf b’xi ħadd li kellu l-pesta u ma tkellimx jista jinqatel għax hu ħeba li kien hemm xi ħadd li kellu l-pesta. Ovvjament illum m’aħniex f’dak l-istat imma tajjeb li wieħed isegwi l-kwarantina. Kien hemm similitarijiet minn darba għall-oħra.”
Bħala parti mill-proġett, l-arkivju nazzjonali akkwista wkoll djarju u album tar-ritratti ta’ btala li familja kienet għamlet lejn l-Italja fl-1950.
“Fid-dettall kitbu kollox x’għamlu, meta telqu minn Malta, ġabru l-biljetti u l-leaflets li kellhom kif ukoll ir-ritratti. Fid-dettall kitbu kollox dak kollu li qegħdin jgħaddu minnu u dak li rridu mill-poplu inġenerali.”
L-arkivju nazzjonali qed jaċċetta dawn ir-rikordji f’kull tip u format, minn kitba bl-idejn għal kitba fuq kompjuter u anke filmati fost oħrajn.
Dawk li jixtiequ iktar informazzjoni jistgħu jiktbu lill-arkivju nazzjonali fuq l-email fuq customercare.archives@gov.mt