Iż-żgħażagħ huma fost l-aktar li se jgawdu mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern.
Fil-fatt sa tmiem is-sena, dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom se jibbenefikaw mit-tnaqqis fuq it-taxxa tal-boll fuq xiri tal-proprjetà.
Sa tmiem din is-sena min jixtri proprjetà se jiffranka eluf ta’ ewro f’taxxa tal-boll hekk kif ir-rata tat-taxxa se tinżel minn 5% għal 1.5%.
Dan it-tnaqqis se jidħol fis-seħħ fuq il-kuntratti li se jiġu ffirmati bejn id-9 ta’ Ġunju 2020 u l-31 ta’ Marzu 2021.
It-tnaqqis fit-taxxa tal-boll se jinħareġ fuq l-ewwel €400,000 tal-valur tal-proprjetà li mhux se tintuża għal skop kummerċjali.
Din il-miżura se tkun qed tiswa mat-€32 miljun u se tilħaq 10,000 koppja.
Biex aktar persuni jitħajjru jkunu sidien ta’ darhom, il-Gvern ħabbar li se tiġi modifikata l-iskema tal-first time buyers.
Min ma kkwalifikax qabel għal din l-iskema għax kellu proprjetà oħra diġà, issa se jkun jista’ jibbenefika mill-iskema tal-first-time buyers.
Dan se jidħol fi seħħ mill-10 ta’ Ġunju 2020, bil-Gvern se jagħti konċessjoni lil kull min qed jixtri residenza prinċipali.