Bil-għan li titrażżan iż-żieda fl-ġenerazzjoni tal-iskart minħabba żieda fit-tkabbir ekonomiku, GreenPak appellat biex il-komunitajiet tan-negozju jagħmlu l-pass li jmiss u jħaddnu prattiċi sostenibbli tal-iskart.
Fi stqarrija qalet li matul l-aħħar snin, l-ammont ta’ skart solidu f’Malta kiber flimkien mat-tkabbir fil-Prodott Gross Domestiku.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak Coop Society, l-Inġinier Mario Schembri qal li s’issa dejjem assumejna li żieda fil-ġenerazzjoni tal-iskart minħabba tkabbir ekonomiku, hi relazzjoni indispensabbli.
“Biex tassew niksbu sostenibbiltà reali, irridu nimxu lil hinn minn din il-mentalità u naqtgħu r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ġenerazzjoni tal-iskart.”
GreenPak hi l-akbar skema ta’ ġbir ta’ skart f’Malta. L-organizzazzjoni hi membru fundatur ta’ EXPRA, organizzazzjoni internazzjonali li ma taħdimx għal skop ta’ qligħ. Tippromwovi l-kunċett li hi l-industrija nnifisha li għandha tagħmel ir-riċiklaġġ, u mhux tħalli r-riċiklaġġ ikun piż fuq il-gvern u awtoritajiet lokali.
Għal dawn l-aħħar għaxar snin, il-GreenPak kienet waħda mill-35 sistema ta’ responsabbilta’ tal-produtturi nazzjonali taħt l-umbrella ta’ PRO Europe.