Kampanja ta’ madwar xahrejn li tippromwovi sport u edukazzjoni fiżika u li daret l-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex laħqet il-qofol tagħha meta f’dawn l-aħħar jiem beda l-programm Summer on the Move.
L-għan ta’ dan il-programm huwa li jressaq kemm jista’ jkun tfal, żgħażagħ u adulti lejn attività sportiva fix-xhur tas-sajf, meta t-tendenza hija li kulħadd ikollu iktar ħin liberu. Il-programm huwa kontinwazzjoni tal-kampanji #BeActive u Move li jgħinu biex tiżdied aktar il-parteċipazzjoni tan-nies fl-isport.
Firxa wiesgħa ta’ ċentri madwar Malta u Għawdex taw opportunità lil iktar nies jersqu lejn dawn il-programmi li wassal biex għall-ewwel darba l-postijiet ġew kollha mimlija minn ġimgħat qabel. SportMalta assigurat li dawn il-programmi jkunu offruti b’prezzijiet baxxi ħafna biex jippermettu l-inklużjoni ta’ kulħadd.
Dan il-programm tmexxa minn coaches kwalifikati biex jiġi garantit livell għoli ta’ servizz,
barra minn hekk ammont ta’ helpers li ħafna minnhom studenti, qed joffru għajnuna biex il-parteċipanti jingħataw servizz aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius żar wieħed miċ-ċentri fejn għaddej il-programm Summer on the Move, u filwaqt li faħħar dan il-programm saħaq li dan huwa pass ieħor biex aktar ċittadini Maltin ikunu attivi u jitnaqqas l-persentaġġ ta’ ċittadini obeżi li hawn f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari sostna li rridu ninvestu f’aktar faċilitajiet sabiex inkomplu nikbru u nilqgħu aktar parteċipanti.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil semma’ kif għall-ewwel darba l-programm Summer on the Move laħaq punt ta’ saturazzjoni u kellu jieqaf jilqa’ l-applikazzjonijiet hekk kif intlaħaq l-ammont ta’ 5,600 parteċipant. Minn din is-sena komplew jiżdiedu anke d-dixxiplini li qed ikunu offruti.