Il-gvern Spanjol qal li mhux se jaċċetta “theddid” wara li l-mexxej Katalan indika li l-indipendenza jista’ jkun li tiġi ddikjarata l-ġimgħa li ġejja.
“Carles Puigdemont għandu jirritorna lura fit-triq tal-liġi qabel ma jkunu jistgħu jsiru xi negozjati”, qal il-gvern ta’ Madrid fi stqarrija, filwaqt li żied jgħid li Puigdemont huwa “maqtugħ mir-realtà”.
Il-mexxej Katalan Carles Puigdemont attakka r-Re Felipe VI ta’ Spanja talli, skontu, injora deliberament miljuni ta’ Katalani, wara li saret votazzjoni fuq l-indipendenza.
Huwa akkuża lir-Re li qed ikun partiġġjan u jappoġġja lill-Gvern ta’ Madrid minflok ma qiegħed ikun il-figura bbilanċjata li skont il-kostituzzjoni għandu jkun.
Ir-Re Felipe għamel indirizz televiżiv it-Tlieta filgħaxija, u qal li l-vot tal-Ħadd kien illegali u mhux demokratiku. Puigdemont diġa indika li l-indipendenza tista tkun iddikjarat l-ġimgħa d-dieħla.