Fl-iskola nazzjonali tal-isport bħalissa hemm 215 –il student il-maġġoranza tagħhom subien.
Minn tagħrif li ta fil-Parlament, il-Ministru tal-Edukazzjoni jirriżulta li hemm 134 tifel student u 81 tifla. L-iskola tal-isport hi mfittxija ħafna mill-ġenituri li jixtiequ lil uliedhom jimxu ‘l quddiem fis-settur sportiv.
Fil-Parlament il-Ministru Bartolo ta wkoll rendikont ta’ x’inhuma l-kwalifiċi li wieħed irid jilħaq biex jidħol f’din l-iskola. Hemm żewġ stadji fejn wieħed jista’ jsir student tal-iskola nazzjonali tal-isport.
Id-dħul għas-seba’ sena huwa mmirat għal studenti li jinsabu fl-aħħar sena skolastika primarja. Id-dħul għad-disa’ sena huwa mmirat għal studenti li jinsabu fit-tieni sena skolastika sekondarja.
Il-prinċipju ewlieni tal-iskola huwa li toffri biss post għal atleti adoloxxenti fl-ogħla livelli ta’ ħiliet sportivi li tal-età tagħhom, jirriżultaw fost l-aqwa fil-qasam sportiv tagħhom fil-Gżejjer Maltin.
Fil-każ ta’ studenti li japplikaw għal dħul fis-seba’ sena, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tidentifika dawk il-kandidati li jaqgħu taħt dawn il-kriterji:-
– Il-kandidat irid ikun twieled wara l-ewwel ta’ Jannar 2007.
– Il-kandidat irid ikun irrekomandat bħala atleta ta’ livell għoli mill-assoċjazzjoni sportiva akkreditata.
– Il-kandidat irid ikun qed jieħu sehem fi skema għaż-żgħażagħ imħaddma minn assoċjazzjoni sportiva akkreditata għal mhux inqas minn sena (12-il xahar) mid-data tal-applikazzjoni.
Fil-każ ta’ studenti li japplikaw għal dħul fid-disa’ sena, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tidentifika dawk il-kandidati li jaqgħu taħt dawn il-kriterji:-
– Il-kandidat irid ikun twieled wara l-ewwel ta’ Jannar 2005.
– Il-kandidat irid ikun irrekomandat bħala atleta ta’ livell għoli mill-assoċjazzjoni sportiva akkreditata.
– Il-kandidat irid ikun qed jieħu sehem fi skema għaż-żgħażagħ imħaddma minn assoċjazzjoni sportiva akkreditata għal mhux inqas minn sentejn mid-data tal-applikazzjoni.
Barra minn hekk, għall-għażla ta’ studenti-atleti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport jiġu kkunsidrati dawn il-kriterji:
– Attitudni pożittiva u entużjasta biex isostnu l-iżvilupp personali tagħhom
– Ħerqa li j/tirnexxi
– Kunfidenza fih/a nnifsu/nnifsiha
– Potenzjal għoli għall-futur fl-iżvilupp tal-isport magħżul
– Livell għoli fl-ikkowċjar li tgħinhom jagħrfu u jaċċettaw rispons differenti
– Livell tajjeb ħafna fl-attributi fiżjoloġiċi, kompetenzi fit-teknika relevanti għall-isport magħżul tagħhom (evalwat fl-assessjar tal-isport magħżul)
– Livell tajjeb ta’ għarfien sportiv (regoli ġenerali, ħiliet, teknika u tattiċi) relevanti għall-isport magħżul
– J/Turi sforz akkademiku pożittiv, imġiba u attitudni li j/tirnexxi
– Livell għoli ta’ appoġġ mill-ġenituri/kustodji