Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li wara taħdidiet ma’ Identity Malta, l-aġenti tal-proprjetà ġew mgħarrfa li issa mal-applikazzjoni ta’ min ikun irid isir ċittadin Malti taħt il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, irid ikun hemm stima minn perit f’każ ta’ xiri u f’każ ta’ kiri jkun hemm kopja tal-kuntratt. Dan il-proċess ta’ verifika ikompli jżid mal-iskrutinju marbut ma’ dan il-programm li huwa l-uniku wieħed approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Waqt li rrefera għal dak li qalet fl-aġġornament tal-parlament tal-bieraħ filgħaxija, il-membru parlamentari nazzjonalista Kristy Debono, il-Minisrtru Bonnici fakkar kif fost il-kriterji biex wieħed jikkwalifika biex isir Malti taħt il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, hemm li jkun xtara proprjetà ta’ ċertu valur jew inkellha li jikri proprjetà ta’ erbat elef ewro fix-xahar.
Kristy Debono l-bieraħ għamlet għadd ta’ allegazzjonijiet dwar indirizzi u permessi fuq residenzi. Il-Ministru qal li din il-kwistjoni tal-indirizzi tidħol fis-seħħ meta wieħed japplika għal residenza permanenti f’Malta.
Identity Malta issa qed iżomm rekord ta’ fejn jidħol abbuż ta’ indirizzi u meta jkun hemm abbuż, Identity Malta tirreferi l-każ lill-pulizija.
Bejn Ġunju tas-sena l-oħra u l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, Identity Malta irċeviet 46 rapport ta’ abbuż b’rabta ma’ residenza permanenti li seba’ minnhom għaddiet lill-pulizija. Barra dawn, għaddiet ukoll 15-il każ ieħor, fejn rat li hemm affarijiet li ma jagħmlux sens, biex il-pulizija tinvestiga.
Xi nies diġa’ tressqu l-qorti.