Flimkien mal-amministraturi tas-Santwarju ta’ Pinu, l-Ministeru għal Għawdex imbarka fuq proġett ta’ afforestazzjoni tal-għolja t’Għammar li tiġi faċċata tas-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu u li huwa proprjetà tad-djoċesi t’Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett din l-għolja ser tigi afforestata b’siġar indiġeni biex ikompli jitkattar l-għarfien dwar il-veġetazzjoni tipika Għawdxija u fl-istess waqt ikun mezz biex dawk li jkunu fostna ikunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li għal din l-attività l-preżenza tat-tfal hija importanti ħafna għaliex irridu nippromwovu kultura ambjentali fost uliedna biex nassiguraw ġenerazzjoni li tkun iktar konxja u b’kuxjenza ambjentali f’saħħitha. “Fuq kollox irridu nassiguraw arja iktar nadifa u nippromwovu ħajja iktar sana fost it-tfal tagħna u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jagħmel dak kollu possibbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet,”qalet Justyne Caruana.
Il-Ministru Justyne Caruana rringrazzjat lil Dun Gerald Buhagiar, rettur tas-Santwarju ta’ Pinu u Dun Domenic Sultana, lid-Direttorat ta’ Eko Għawdex u lis-sezzjoni tal-afforestazzjoni u tal-farm sperimentali tax-Xewkija, għaliex ilkoll flimkien ikkollaboraw biex jitwettaq dan il-proġett b’risq Għawdex.