Qed isiru sejħiet għall-ingaġġ ta’ professjonisti f’diversi oqsma, għall-maltabiennale.art 2026.
Fost dawn is-sejħiet, hemm is-sejħa għal Direttur tal-Komunikazzjoni biex tiġi kkordinata l-istrateġija ta’ marketing u komunikazzjoni, filwaqt li x-xahar li għadda diġà ħarġet sejħa internazzjonali għal Direttur Artistiku.
L-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art ittellgħet din is-sena f’għadd ta’ siti storiċi madwar Malta u Għawdex u kisbet suċċess u għarfien anki lil hinn minn pajjiżna.
Il-maltabiennale.art huwa mtella’ minn Heritage Malta bħala parti mill-viżjoni tagħha li tagħmel il-mużewijiet u s-siti tagħha iktar relevanti għall-udjenzi tas-seklu 21. L-ewwel edizzjoni tal-biennale Malti kellha l-patroċinju tal-President ta’ Malta u tal-UNESCO – l-uniku biennale minn iktar minn 300 li hawn imxerrda mad-dinja li kellu l-patrunaġġ ta’ din l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Aktar sejħiet huma mistennija li joħorġu aktar tard.
“Is-suċċess miksub fl-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art ta’ dis-sena jixpruna lil Heritage Malta biex it-tieni edizzjoni ta’ dal-biennale tagħti esperjenza isbaħ lil min iżuru, tkompli tkabbar l-għarfien tal-patrimonju u l-kultura Maltija, issaħħaħ iktar il-qasam artistiku lokali, u nissudaw il-pożizzjoni ta’ Malta fil-kalendarju kulturali dinji. Fuq kollox, il-maltabiennale.art 2026 għandu jagħti tifsira usa’ lill- mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta biex ikunu jgħoddu iktar għall-udjenzi tal-lum,” fisser Mario Cutajar, il-President tal-maltabiennale.art u Chairman ta’ Heritage Malta.
Iktar tagħrif dwar is-sejħa ta’ Direttur tal-Komunikazzjoni u dwar il-maltabiennale.art jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku www.maltabiennale.art.